Risposta in-Nazzjon 28 ta' Marzu 2017

Risposta mid-Direttur Ġenerali tal-NSO għal kummenti rigward il-metodu li bih titkejjel l-inflazzjoni li dehru fuq in-Nazzjon fit-28 ta’ Marzu 2017 fl-artiklu intitolat “Għafsa fuq il-pagi”

B’referenza għall-artiklu ppubblikat il-bieraħ fuq il-ġurnal in-Nazzjon fit-28 ta’ Marzu 2017 bit-titlu “Għafsa fuq il-pagi”,  l-Uffiċċju Nazzjonali ta’ l-Istatistika (NSO) jixtieq jikkjarifika numru ta’ punti li fl-opinjoni tiegħi jistgħu jisgwidaw lill-qarrejja.

L-artiklu qal li r-rata tal-inflazzjoni hekk kif imkejla mill-Indiċi tal-Prezzijiet bl-Imnut (Retail Price Index), tiġi maħduma mill-Gvern. Ir-rata tal-inflazzjoni hija maħduma u ppublikata mill-NSO b’mod kompletament independenti mill-Gvern. L-artiklu jagħmel referenza għall-figuri maħruġa mill-Eurostat u tajjeb li wieħed jgħid li l-figuri maħruġa mill-Eurostat huma kkalkulati u mibgħuta mill-NSO.

Sabiex tiġi kkalkulata r-rata tal-inflazzjoni, jiġu osservati l-prezzijiet ta’ 440 oġġett minn madwar elf ħanut minn Malta u Għawdex. Iċ-ċifri jiġu ppreżentati lill-Kumitat Konsultattiv tal-RPI, mwaqqaf abbażi tal-liġi u fih membri li ġejjin minn diversi entitajiet fosthom dawk hekk imsejħa msieħba soċjali.

Barra minn hekk, l-artiklu jqabbel b’mod dirett ir-rata tal-inflazzjoni (RPI) ppublikata mill-NSO mal-istudju li sar mill-Caritas.  Dawn it-tnejn m’humiex direttament komparabbli għaliex ikejlu affarijiet differenti. Filwaqt li l-RPI ikejjel il-bidliet fil-prezz tax-xiri ta’ basket fiss, fuq bażi ta’ kull xahar, u hu rappreżentattiv ta’ prodotti tal-konsumatur u ta’ servizzi għall-familja medja, l-istudju tal-Caritas jiffoka fuq faxxa waħda ta’ familji - dawk bi dħul baxx.  Għaldaqstant, minħabba li l-konsum tipiku fiż-żewġ studji mhuwiex ikkalkulat bl-istess mod, id-differenza fl-inflazzjoni bejn it-tnejn hija waħda mistennija.

Familja medja tfisser li wara l-eżerċizzju tal-Household Budgetary Survey (HBS) li għadu kif tlesta, jiġi ffissat basket ta’ nfiq li jirrappreżenta lill-familji Maltin u Għawdxin kollha abbażi ta’ kampjun xjentifiku li jirrappreżenta firxa ta’ lokalitajiet, tipi ta’ familji ta’ kull daqs, varjeta’ ta’ sfond soċjali, dħul differenti u kif ukoll etajiet differenti.

Għaldaqstant, filwaqt li huwa possibbli li xi faxex fis-soċjeta’ ma jħossux li r-rata tal-inflazzjoni kif imkejla mill-RPI hija rappreżentattiva għar-realta’ tagħhom, huwa importanti li wieħed japprezza li dan il-metodu huwa l-aktar wieħed rappreżentattiv għall-pajjiż kollu fejn jidhol caqlieq fil-prezzijiet bl-imnut.

Reuben Fenech
Direttur Ġenerali, NSO