Household Budget Survey

Xʼinhu l-Istħarriġ dwar l-Infiq tad-Djar (HBS)?

L-HBS jitwettaq fost djar privati f’Malta u Għawdex u jimmira li jiġbor tagħrif dwar l-infiq tad-djar ġurnata bʼġurnata. Huwa wieħed ‘mill-eqdem’ stħarriġiet imwettqin fʼMalta.

L-istħarriġ jiġbor ukoll tagħrif ieħor dwar il-karatteristiċi tad-djar u l-partikularitajiet soċjo-demografiċi taʼ dawk li jwieġbu.

Il-ġbir tad-data jdum sena sħiħa. Dan ifisser li l-aġġustament tal-istaġun u ħlasijiet taʼ darba jinqabdu wkoll, biex hekk ikun żgurat basket tassew rapreżentattiv taʼ oġġetti għat-tipi kollha taʼ djar.

Għal xiex jiswa l-HBS?

L-istħarriġ jipprovdi indikazzjonijiet dwar livelli taʼ għajxien differenti fʼtermini taʼ dħul u nfiq.  Is-sejbiet tal-istħarriġ huma taʼ interess għall- komunità taʼ utenti diversi, u r-riżultati huma użati għal għanijiet taʼ ppjanar, politika, u monitoraġġ. 

Ir-riżultati u t-tagħrif maħruġin mill-HBS huma użati l-aktar:

Biex jaġġornaw l-Indiċi tal-Prezzijiet bl-Imnut (RPI)

Bħala fatturi li jikkontribwixxu biex jinħadem il-Prodott Domestiku Gross (PDG)

Għal studji oħra li jkollhom xʼjaqsmu maʼ spejjeż tad-djar u għal użi oħra (bħal analiżi tal-faqar u l-konsum tal-ikel) 

Min jistaʼ jintgħażel biex jieħu sehem?

Il-ġbir tad-data jdum sena minn Novembru 2024 sa Novembru 2025. Kampjun gross taʼ 7,000 dar sa jintgħażlu għall-HBS. Dan il-kampjun huwa mifrux bil-polza fuq 52 ġimgħa.

Il-popolazzjoni fil-mira hija magħmula mid-djar privati kollha u l-membri tagħhom preżenti li joqogħdu fʼMalta u Għawdex. Djar istituzzjonali bħal kunventi u residenzi għall-anzjani ma ġewx inklużi, minħabba metodi ta’ nfiq differenti.

Il-parteċipazzjoni fʼdan l-istħarriġ hija obbligatorja kif stipulat mill-Att dwar l-Awtorità tal-Istatistika taʼ Malta, 2000.  Bħala apprezzament għall-ħin u l-isforz, dawn id-djar sa jkunu kkompensati billi jingħataw €50 għall-kontribut tagħhom.

Il-Ġbir tad-Data

L-HBS huwa magħmul minn kwestjonarju u djarju taʼ kull ġimgħa biex jaqbad tagħrif komprensiv u bir-reqqa dwar il-konsum, l-infiq, u l-livelli tal-għajxien tad-djar.

    • Il-Kwestjonarju Ewlieni:  Dan jiġbor tagħrif fid-dettall dwar il-karatteristiċi tad-dar, bħad-dħul, l-akkomodazzjoni, ix-xogħol, l-edukazzjoni, u fatturi demografiċi oħra.  Huwa jipprovdi stampa tas-sitwazzjoni finanzjarja ġenerali tad-dar, inkluż spejjeż kbar, mhux tas-soltu li jistgħu ma jinqabdux fi djarju bʼterminu qasir.  Id-data mill-kwestjonarju ewlieni tqiegħed fil-kuntest l-infiq li jkun ġie rreġistrat fid-djarji, bħalma hija l-fehma l-għala jsiru ċerti spejjeż skont id-dħul u d-daqs tal-familja.
  • Id-Djarju taʼ Kull Ġimgħa:  Dan iżomm rekord tal-infiq taʼ kuljum, u jaqbad ix-xiri żgħir li jsir taʼ spiss u li għandu mnejn jintesa jew ma jkunx magħdud li kieku jintuża biss kwestjonarju fit-tul. Id-djarji, li huma tnejn, bʼkull wieħed minnhom jittratta perjodu taʼ ġimgħa, jgħinu biex inaqqsu x-xaqlib tal-memorja billi jitolbu lill-parteċipanti jniżżlu l-ispejjeż meta jsiru, u bʼhekk iwasslu għal data taʼ aktar reqqa u fʼwaqtha. Billi jsegwu l-infiq fuq medda taʼ żmien, id-djarji jistgħu juru l-modi kif isir l-infiq, l-istaġjonalità fil-konsum, u t-tibdil fl-imġiba tal-infiq li tistaʼ tinqabeż bi kwestjonarju taʼ darba.

It-tgħaqqid tal-kwestjonarju ewlieni mad-djarji tal-ġimgħa jikkontribwixxi biex l-istħarriġ jittratta kemm spejjeż kbar, u mhux tas-soltu, kif ukoll infiq żgħir taʼ kuljum, u bʼhekk ikollna fehma aktar kompluta tal-baġits tad-djar.  Iż-żewġ għodod jistgħu jintużaw biex id-data tkun ivverifikata waħda mal-oħra, u hekk tkun imsaħħa l-kredibbiltà u l-validità tar-riżultati tal-istħarriġ. Hekk, ngħidu aħna, nefqiet akbar li jkunu mniżżlin fil-kwestjonarju jkunu jistgħu jiġu vverfikati mad-djarji. Dan il-mod duwalistiku jiżgura li l-HBS jaqbad kemm l-istampa l-kbira tal-finanzi tad-dar kif ukoll l-irqaqat tal-infiq ġurnata bʼġurnata.

Il-ġbir tad-data sa jitwettaq fʼżewġ fażijiet ewliena:

  • L-ewwel fażi:  Il-fażi tat-tgħarbil
  • It-tieni fażi:  Il-mili tal-kwestjonarju ewlieni u tad-djarji (ġimgħatejn)

L-ewwel fażi: It-tgħarbil

Id-djar magħżula sa jkunu kkuntattjati għall-ewwel darba minn intervistatur tal-NSO li jfiehemhom il-proċess kollu tal-ġbir tad-data u l-importanza tas-sehem tagħhom fʼdan l-istħarriġ.

Qabel il-fażi tat-tgħarbil sa tintbagħat ittra lid-djar. Sa jintbagħat ukoll SMS lill-membri tad-dar.

It-tieni fażi: Il-ġbir tad-data

Il-ġbir tad-data sa jitwettaq minn grupp taʼ intervistaturi mħarrġa, li sa jagħmlu l-fażi tat-tgħarbil u jgħinu lid-djar fil-mili tad-djarji tal-ġimgħa u l-kwestjonarju ewlieni.

Id-djar li sa jieħdu sehem ħa jirċievu kumpens taʼ €50 bħala apprezzament tal-kontribut tagħhom.

Għalkemm l-HBS huwa mfassal l-aktar għal għanijiet nazzjonali, l-NSO ħa l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżgura li r-riżultati taʼ dan l-istħarriġ ikunu armonizzati għalkollox sabiex ikun jistaʼ jsir it-tqabbil mar-riżultati miġbura fʼpajjiżi oħra mseħbin fl-UE. Fil-fatt, ir-rakkomandazzjonijiet kollha tal-Eurostat kienu meħudin fl-istadju tal-ippjanar taʼ dan l-istħarriġ:

  • It-teħid tal-kampjun
  • Il-varjabbli bażiċi (varjabbli soċjali, dħul disponibbli, eċċ.)
  • Il-klassifikazzjonijiet (impjieg, qasam ekonomiku, edukazzjoni, eċċ.)

Għall-għanijiet taʼ dan l-istħarriġ, l-NSO ħejja lista taʼ kodiċi tal-affarijiet kollha tan-nefqa. Din il-lista taʼ kodiċi tippermetti l-klassifikazzjoni tal-prodotti u s-servizzi skont kif ġej:

  • Il-Klassifikazzjoni tal-Prodotti skont l-Attività (KPA)
  • Il-Klassifikazzjoni tal-Konsum Individwali skont l-Iskop (COICOP)

L-NSO diġà għamel proġett pilota biex jara l-validità tal-kwestjonarju. It-taqsima tal-IT tal-NSO fasslet software apposta għal dan il-proġett:

  • Applikazzjoni għall-immaniġjar tal-istħarriġ
  • Għodda għad-dħul tad-data
  • Għodod għall-kodifikazzjoni

L-NSO sa jkun qed juża tagħrif amministrattiv għall-kumpilazzjoni taʼ xi wħud mill-komponenti tad-dħul tad-dar. Din il-miżura hija mistennija ttejjeb il-kwalità tar-riżultati, filwaqt li tnaqqas l-isforz tad-djar biex iwieġbu għal dan l-istħarriġ. Wara l-proġett pilota saru sensiela taʼ tibdiliet fil-kwestjonarju ewlieni u kienet imfassla verżjoni mtejba.

Il-ġbir tad-data sa jkun mgħasses il-ħin kollu biex ikun żgurat li jintlaħaq livell sodisfaċenti taʼ rispons tul iż-żmien kollu tal-istħarriġ.

L-NSO sa jwettaq awditjar bʼmod regolari matul il-ġbir tad-data biex jiżgura li x-xogħol tal-intervistaturi jilħaq l-ogħla standards taʼ kwalità.

  • Il-kwestjonarji mimlija sa jkunu vverifikati minn superviżuri mħarrġa biex tkun żgurata l-konsistenza, filwaqt li jkunu ċċekkjati wkoll problemi relatati maʼ sottorappurtar u żbalji loġiċi fid-data pprovduta mid-djar parteċipanti. Jekk ikun hemm bżonn, id-djar sa jkunu kkuntattjati mill-ġdid biex ikun ivverifikat u kkoreġut kull tagħrif li ma jkunx eżatt.
  • L-għodda tad-dħul tad-data sa jkollha sensiela taʼ kontrolli fiha nnifisha li jagħrfu informazzjoni ħażina.
  • Sa jsir iċċekkjar bir-reqqa fuq id-data fil-fażi tal-analiżi tagħha biex ikun żgurat li dan l-istħarriġ jagħti tagħrif taʼ kwalità għolja.

Twettaq eżerċizzju rigoruż taʼ kodifikazzjoni li kien jinvolvi l-iskrutinju u l-ikkategorizzar taʼ kull nefqa rreġistrata mid-djar fil-kwestjonarju ewlieni u fid-djarji tal-ġimgħa fʼkategorji definiti minn qabel li jaqblu maʼ standards internazzjonali, bħalma huma l-Klassifikazzjoni tal-Konsum Individwali skont l-Iskop (COICOP). L-għan huwa li jkunu żgurati l-konsistenza u l-komparabilità tad-data maʼ pajjiżi differenti u tul iż-żmien, biex tkun tistaʼ ssir analiżi bir-reqqa tal-modi tal-konsum u x-xejriet ekonomiċi fuq skala globali.

Kull tagħrif miġbur mingħand il-familji li jieħdu sehem sa jkun użat biss għal għanijiet taʼ statistika, skont l-Att dwar Awtorità tal-Istatistika taʼ Malta, u għalhekk huwa meqjus bħala kunfidenzjali ħafna.

Għaldaqstant, l-uffiċjali kollha li ħa jkollhom xʼjaqsmu maʼ dan il-proġett sa jkunu marbutin bʼġurament dwar il-kunfidenzjalità tad-data, kif mitlub mil-Liġi.

Kalkulatur tal-Inflazzjoni Kalendarju tal-Istqarrijiet tal-Aħbarijiet Talbiet għat-Tagħrif Mistoqsijiet dwar il-Kodiċi tan-NACE
Skip to content