Iċ-Ċifri tal-Finanzi tal-Gvern: Jannar-April 2025

- Sa tmiem April 2025, il-Fond Konsolidat tal-Gvern irreġistra defiċit taʼ €261.4 miljun.
- Meta mqabblin mas-sena taʼ qabel, id-dħul rikorrenti niżel bʼ€31.9 miljun, filwaqt li n-nefqa sħiħa żdiedet bʼ€252.4 miljun. Iż-żieda fin-nefqa, flimkien maʼ dħul aktar baxx, wasslu għal bidla negattiva taʼ €284.3 miljun fil-Fond Konsolidat tal-Gvern.
- L-akbar tnaqqis fid-dħul ġie mit-Taxxa tad-Dħul (€55.7 miljun), filwaqt li l-Programmi u Inizjattivi (€88.5 miljun) irrappurtaw l-akbar żieda fost il-kategoriji tan-nefqa.
- Sa tmiem April 2025, id-Dejn kollu tal-Gvern Ċentrali kien jgħodd €10,835.1 miljun, €908.0 miljuni aktar mill-istess xahar fl-2024.
Iċ-Ċifri tal-Finanzi tal-Gvern: Jannar-April 2025
Iċ-Ċifri tal-Finanzi tal-Gvern: Jannar-April 2025

Bejn Jannar u April 2025, id-Dħul Rikorrenti kien taʼ €2,220.0 miljun, €31.9 miljun anqas minn dak irrappurtat sena qabel. L-akbar tnaqqis kien irreġistrat fit-Taxxa tad-Dħul (€55.7 miljun), fit-Taxxa fuq il-Valur Miżjud (€36.1 miljun) u fl-Għotjiet (€30.7 miljun). Min-naħa l-oħra, kien irrappurtat dħul akbar mis-Sigurtà Soċjali (€61.3 miljun), mid-Dazju u s-sisa (€16.0-il miljun) u mil-Liċenzji, Taxxi u Multi (€13.2-il miljun).
Minn Jannar sa April 2025, in-nefqa kollha laħqet iż-€2,481.4 miljun, li hija €252.4 miljun aktar mis-sena ta’ qabel.
Fiż-żmien taʼ riferenza, in-Nefqa Rikorrenti kienet ta’ €2,219.2-il miljun, li hija żieda taʼ €240.1 miljun meta mqabbla mal-€1,979.1 miljun li kienet irrappurtata fis-sena taʼ qabel. Iż-żieda taʼ €88.5 miljun fil-Programmi u Inizjattivi kellha l-akbar sehem fʼdin iż-żieda. Aktar żidiet kienu rreġistrati fis-Salarji u Pagi (€67.2 miljun), fil-Kontribuzzjonijiet lill-Entitajiet tal-Gvern (€65.8 miljun) u fl-Ispiża tal-Operat (€18.5-il miljun).
L-iżviluppi ewliena fil-kategorija tal-Programmi u Inizjattivi kienu nefqiet akbar fuq il-Benefiċċji tas-Sigurtà Soċjali (€69.0 miljun), l-Iskejjel tal-Knisja (€14.9-il miljun) u l-Għotjiet għall-vetturi elettriċi (€5.7 miljuni).
L-imgħax fuq id-dejn pubbliku laħaq l-€94.2 miljun, żieda ta’ €11.3-il miljun meta mqabbel ma’ sena qabel.
Sa tmiem April 2025, in-nefqa kapitali tal-Gvern kienet taʼ €167.9 miljun, li hija €1.0 miljun aktar meta mqabbla mal-istess żmien fl-2024. Infiq akbar kien irreġistrat fuq l-Inċentivi għall-Investiment (€15.1-il miljun), l-Inizjattiva REPowerEU (€12.3-il miljun) u l-Iżvilupp tat-tieni interconnector tal-elettriku (€8.6 miljuni). Bil-maqlub taʼ dan, kien hemm infiq inqas għall-Kostruzzjoni u t-titjib tat-toroq (€22.2 miljun), l-Għotja għax-xiri taʼ vetturi elettriċi (€11.3-il miljun) u l-Proprjetà, Impjant u Tagħmir (€6.2 miljuni).
Id-differenza bejn id-dħul u l-infiq sħaħ uriet defiċit ta’ €261.4 miljun fil-Fond Konsolidat tal-Gvern fi tmiem April 2025, meta mqabbel mas-surplus ta’ €22.9 miljun taʼ sena qabel. Din id-differenza tirrifletti tnaqqis fid-Dħul Rikorrenti sħiħ (€31.9 miljun), flimkien maʼ żidiet fin-nefqa sħiħa, li hija magħmula min-Nefqa Rikorrenti (€240.1 miljun), mill-Imgħax (€11.3-il miljun) u min-Nefqa Kapitali (€1.0 miljun) (Tabella nru 1).
Fl-aħħar taʼ April 2025, id-dejn tal-Gvern Ċentrali kien taʼ €10,835.1 miljun, żieda taʼ €908.0 miljuni meta mqabbel mal-2024. Iż-żieda rreġistrata fl-Istokks tal-Gvern taʼ Malta (€842.5 miljun) kienet il-kontribut ewlieni għaż-żieda fid-dejn. Aktar dejn kien irreġistrat ukoll fil-Kambjali tat-Teżor (€92.7 miljun) u fil-ħruġ tal-muniti tal-ewro fʼisem it-Teżor (€4.2 miljuni). Fid-direzzjoni opposta, kien hemm tnaqqis fl-Istokks taʼ Tifdil 62+ tal-Gvern taʼ Malta (€5.7 miljuni) u fid-Dejn Barrani (€0.1 miljun). Fl-aħħar, investimenti akbar minn fondi tal-gvern fl-Istokks tal-Gvern ta’ Malta wasslu għal tnaqqis ta’ €25.6 miljun fid-dejn (Tabella nru 6).
Ċart nru 1. Is-surplus/id-defiċit fil-Fond Konsolidat: Jannar-April bis-sena
fʼmiljuni tal-ewro
No Data Found
Ċart nru 2. Id-dħul rikorrenti maqsum bil-kategoriji ewlenin
Jannar-April 2025