Iċ-Ċifri tal-Finanzi tal-Gvern: Jannar-Frar 2025

- Fi tmiem Frar 2025, il-Fond Konsolidat tal-Gvern irreġistra defiċit taʼ €95.0 miljun.
- Meta mqabblin mas-sena taʼ qabel, id-dħul rikorrenti niżel bʼ€103.8 miljuni, filwaqt li n-nefqa sħiħa żdiedet bʼ€142.6 miljun. Iż-żieda fin-nefqa flimkien mat-tnaqqis fid-dħul wasslu biex kien hemm bidla negattiva taʼ €246.4 miljun fil-Fond Konsolidat tal-Gvern.
- L-akbar tnaqqis fid-dħul ġie mit-Taxxa tad-Dħul (€179.0 miljun), filwaqt li l-Programmi u Inizjattivi (€63.3 miljun) irrappurtaw l-akbar żieda fost il-kategoriji tan-nefqa.
- Sa tmiem Frar 2025, id-Dejn kollu tal-Gvern Ċentrali kien jgħodd €10,935.2 miljun, €859.1 miljun aktar mill-istess xahar fl-2024.
Iċ-Ċifri tal-Finanzi tal-Gvern: Jannar-Frar 2025
Iċ-Ċifri tal-Finanzi tal-Gvern: Jannar-Frar 2025

FʼJannar u Frar 2025, id-Dħul Rikorrenti ammonta għal €1,078.8 miljun, €103.8 miljuni inqas minn dak li kien irrappurtat sena qabel. L-akbar tnaqqis kien irreġistrat fit-Taxxa tad-Dħul (€179.0 miljun), fl-Għotjiet (€37.1 miljun) u fil-Kirjiet (€2.9 miljuni). Min-naħa l-oħra, kien irrappurtat dħul ogħla fis-Sigurtà Soċjali (€34.1 miljun), fit-Taxxa fuq il-Valur Miżjud (€32.4 miljun) u fid-Dħul mixxellanju (€23.2 miljun).
Minn Jannar għal Frar 2025, in-nefqa totali laħqet €1,173.9 miljun, li hija €142.6 miljun aktar mis-sena ta’ qabel.
Fiż-żmien taʼ riferenza, in-Nefqa Rikorrenti kienet ta’ €1,087.9 miljun, li hija żieda taʼ €160.0 miljun meta mqabbla mad-€927.9 miljun li kienu rrappurtati sena qabel. Iż-żieda taʼ €63.3 miljun fil-Programmi u Inizjattivi kellha l-akbar sehem fʼdin iż-żieda. Aktar żidiet kienu rreġistrati wkoll fil-Kontribuzzjonijiet għall-Entitajiet tal-Gvern (€57.1 miljun), fis-Salarji u Pagi (€31.3 miljun) u fl-Ispiża tal-Operat (€8.3 miljuni). L-iżviluppi ewliena fil-kategorija tal-Programmi u Inizjattivi kienu nefqiet akbar fuq il-Benefiċċji tas-Sigurtà Soċjali (€31.8 miljun), l-Iskejjel tal-Knisja (€9.6 miljuni) u r-Riżorsi tal-UE (€7.4 miljuni).
Il-parti tal-imgħax tal-ispejjeż tal-manutenzjoni tad-dejn pubbliku laħqet b’kollox €47.4 miljun, żieda ta’ €6.2 miljuni meta mqabbla mas-sena ta’ qabel.
Fi tmiem Frar 2025, in-nefqa kapitali tal-Gvern ammontat għal €38.6 miljun, li hija €23.6 miljun inqas meta mqabbla mal-istess żmien fl-2024. Kien irreġistrat tnaqqis fl-infiq fuq l-Kostruzzjoni u t-titjib tat-toroq (€14.4-il miljun), il-Proprjetà, Impjant u Tagħmir (€5.3 miljuni) u l-Faċilitajiet marittimi (€3.9 miljuni).
Id-differenza bejn id-dħul u l-infiq totali wriet defiċit ta’ €95.0 miljun fil-Fond Konsolidat tal-Gvern fi tmiem Frar 2025, meta mqabbla mas-surplus taʼ €151.4 miljun li kien irreġistrat fi tmiem Frar 2024. Din id-differenza tirrifletti tnaqqis fid-Dħul Rikorrenti totali (€103.8 miljuni) u żieda fin-nefqa sħiħa, li hija magħmula min-Nefqa Rikorrenti (€160.0 miljun), l-Imgħax (€6.2 miljuni) u n-Nefqa Kapitali (-€23.6 miljun) (Tabella nru 1).
Fl-aħħar taʼ Frar 2025, id-dejn tal-Gvern Ċentrali kien taʼ €10,935.2 miljun, żieda taʼ €859.1 miljun meta mqabbel maʼ Frar 2024. Iż-żieda rreġistrata fl-Istokks tal-Gvern taʼ Malta (€842.5 miljun) kienet il-kontribut ewlieni għaż-żieda fid-dejn. Aktar dejn kien irreġistrat ukoll fil-Kambjali tat-Teżor (€73.9 miljun) u fil-ħruġ tal-muniti tal-ewro fʼisem it-Teżor (€4.0 miljuni). Fid-direzzjoni opposta, kien hemm tnaqqis fl-Istokks taʼ Tifdil 62+ tal-Gvern taʼ Malta (€25.7 miljun) u fid-Dejn Barrani (€0.1 miljun). Barra minn hekk, investimenti akbar minn fondi tal-gvern fl-Istokks tal-Gvern ta’ Malta wasslu għal tnaqqis ta’ €35.4 miljun fid-dejn (Tabella nru 6).
Ċart nru 1. Is-surplus/id-defiċit fil-Fond Konsolidat: Frar bis-sena
fʼmiljuni tal-ewro
No Data Found
Ċart nru 2. Id-dħul rikorrenti maqsum bil-kategoriji ewlenin
Frar 2025