Iċ-Ċifri tal-Finanzi tal-Gvern: Jannar-Mejju 2025

- Sa tmiem Mejju 2025, il-Fond Konsolidat tal-Gvern irreġistra defiċit taʼ €146.1 miljun.
- Meta mqabblin mas-sena taʼ qabel, id-dħul rikorrenti telaʼ bʼ€108.2 miljuni, filwaqt li n-nefqa sħiħa żdiedet bʼ€247.0 miljun. Iż-żieda fin-nefqa kienet akbar minn dik fid-dħul rikorrenti biex bʼhekk kien hemm bidla negattiva taʼ €138.8 miljun fil-Fond Konsolidat tal-Gvern.
- L-akbar żieda fid-dħul ġiet mis-Sigurtà Soċjali (€77.7 miljun), filwaqt li l-Programmi u Inizjattivi (€105.9 miljuni) irrappurtaw l-akbar żieda fost il-kategoriji tan-nefqa.
- Sa tmiem Mejju 2025, id-Dejn kollu tal-Gvern Ċentrali kien jgħodd €10,884.3 miljun, €866.5 miljun aktar mill-istess xahar fl-2024.
Iċ-Ċifri tal-Finanzi tal-Gvern: Jannar-Mejju 2025
Iċ-Ċifri tal-Finanzi tal-Gvern: Jannar-Mejju 2025

Bejn Jannar u Mejju 2025, id-Dħul Rikorrenti kien taʼ €3,009.6 miljuni, €108.2 miljuni aktar minn dak irrappurtat sena qabel. L-akbar żidiet kienu rreġistrati fis-Sigurtà Soċjali (€77.7 miljun), fid-Dazju u s-Sisa (€37.0 miljun) u fit-Taxxa tad-Dħul (€30.3 miljun). Min-naħa l-oħra, kien irrappurtat dħul anqas fl-Għotjiet (€87.7 miljun), fil-Liċenzji, Taxxi u Multi (€0.7 miljuni) u fʼBejgħ taʼ Oġġetti (€0.2 miljuni).
Minn Jannar sa Mejju 2025, in-nefqa kollha kienet taʼ €3,155.6 miljun, li hija €247.0 miljun aktar mis-sena ta’ qabel.
Fiż-żmien taʼ riferenza, in-Nefqa Rikorrenti kienet ta’ €2,812.6-il miljun, li hija żieda taʼ €248.5 miljun meta mqabbla mal-€2,564.0 miljun li kienet irrappurtata fis-sena taʼ qabel. Iż-żieda taʼ €105.9 miljuni fil-Programmi u Inizjattivi kellha l-akbar sehem fʼdin iż-żieda. Aktar żidiet kienu rreġistrati fis-Salarji u Pagi (€83.4 miljun), fil-Kontribuzzjonijiet lill-Entitajiet tal-Gvern (€39.1 miljun) u fl-Ispiża tal-Operat (€20.1 miljun).
L-iżviluppi ewliena fil-kategorija tal-Programmi u Inizjattivi kienu nefqiet akbar fuq il-Benefiċċji tas-Sigurtà Soċjali (€46.9 miljun), l-Iskejjel tal-Knisja (€14.9-il miljun) u l-miżuri taʼ għajnuna għall-enerġija (€12.1-il miljun).
L-imgħax fuq id-dejn pubbliku laħaq il-€117.8-il miljun, żieda ta’ €14.8-il miljun meta mqabbel ma’ sena qabel.
Sa tmiem Mejju 2025, in-nefqa kapitali tal-Gvern kienet taʼ €225.3 miljun, li hija €16.3-il miljun anqas meta mqabbla mal-istess żmien fl-2024. Infiq anqas kien irreġistrat fuq il-Kostruzzjoni u t-titjib tat-toroq (€29.9 miljun), l-Għotja għax-xiri taʼ vetturi elettriċi (€11.3-il miljun) u l-Proprjetà, Impjant u Tagħmir (€5.5 miljuni). Min-naħa l-oħra, kien irrappurtat infiq akbar fuq l-Inċentivi għall-Investiment (€15.0-il miljun), l-Inizjattiva REPowerEU (€12.3-il miljun) u l-Iżvilupp tat-tieni interconnector tal-elettriku (€8.6 miljuni).
Id-differenza bejn id-dħul u l-infiq sħaħ uriet defiċit ta’ €146.1 miljun fil-Fond Konsolidat tal-Gvern fi tmiem Mejju 2025, meta mqabbel mad-deficit ta’ €7.2 miljuni taʼ sena qabel. Din id-differenza tirrifletti żieda fid-Dħul Rikorrenti sħiħ (€108.2 miljuni), flimkien maʼ żidiet fin-nefqa sħiħa, li hija magħmula min-Nefqa Rikorrenti (€248.5 miljun), mill-Imgħax (€14.8-il miljun) u min-Nefqa Kapitali (-€16.3-il miljun) (Tabella nru 1).
Fl-aħħar taʼ Mejju 2025, id-dejn tal-Gvern Ċentrali kien taʼ €10,884.3 miljun, żieda taʼ €866.5 miljun meta mqabbel mal-2024. Iż-żieda rreġistrata fl-Istokks tal-Gvern taʼ Malta (€842.5 miljun) kienet il-kontribut ewlieni għaż-żieda fid-dejn. Aktar dejn kien irreġistrat ukoll fil-Kambjali tat-Teżor (€52.8 miljun) u fil-ħruġ tal-muniti tal-ewro fʼisem it-Teżor (€3.8 miljuni). Fid-direzzjoni opposta, kien hemm tnaqqis fl-Istokks taʼ Tifdil 62+ tal-Gvern taʼ Malta (€5.7 miljuni) u fid-Dejn Barrani (€0.1 miljun). Fl-aħħar, investimenti akbar minn fondi tal-gvern fl-Istokks tal-Gvern ta’ Malta wasslu għal tnaqqis ta’ €26.8 miljun fid-dejn (Tabella nru 6).
Ċart nru 1. Is-surplus/id-defiċit fil-Fond Konsolidat: Jannar-Mejju bis-sena
fʼmiljuni tal-ewro
No Data Found
Ċart nru 2. Id-dħul rikorrenti maqsum bil-kategoriji ewlenin
Jannar-Mejju 2025