Iċ-Ċifri tal-Finanzi tal-Gvern: Jannar-Novembru 2024

- Fi tmiem Novembru 2024, il-Fond Konsolidat tal-Gvern irreġistra defiċit taʼ €102.3 miljuni.
- Meta mqabblin mas-sena taʼ qabel, id-dħul rikorrenti u n-nefqa sħiħa żdiedu bʼ€1,044.6 miljun u bi €800.3 miljun, rispettivament. Iż-żieda fid-dħul rikorrenti kienet akbar minn dik fin-nefqa biex bʼhekk kien hemm bidla pożittiva taʼ €244.3 miljun fil-Fond Konsolidat tal-Gvern.
- L-akbar żieda fid-dħul ġiet mit-Taxxa tad-Dħul (€588.1 miljun), filwaqt li l-Programmi u Inizjattivi (€424.5 miljun) irrappurtaw l-akbar żieda fost il-kategoriji tan-nefqa.
- Sa tmiem Novembru 2024, id-Dejn kollu tal-Gvern Ċentrali kien jgħodd €10,362.7 miljun, €784.7 miljun aktar mill-istess xahar fl-2023.
Iċ-Ċifri tal-Finanzi tal-Gvern: Jannar-Novembru 2024
Iċ-Ċifri tal-Finanzi tal-Gvern: Jannar-Novembru 2024

Bejn Jannar u Novembru 2024, id-Dħul Rikorrenti ammonta għal €6,826.3 miljun, €1,044.6 miljun ogħla minn dak li kien irrappurtat sena qabel. L-akbar żidiet kienu rreġistrati fit-Taxxa tad-Dħul (€588.1 miljun), fit-Taxxa fuq il-Valur Miżjud (€177.0 miljun) u fis-Sigurtà Soċjali (€131.2 miljun). Min-naħa l-oħra, kien irrappurtat tnaqqis żgħir fir-Rimborżi (€0.1 miljun).
Sa Novembru 2024, in-nefqa totali laħqet €6,928.6 miljun, li hija €800.3 miljun aktar mis-sena ta’ qabel.
Fiż-żmien taʼ riferenza, in-Nefqa Rikorrenti kienet ta’ €5,960.5 miljun, li hija żieda taʼ €722.5 miljun meta mqabbla mal-€5,238.0 miljun li kienu rrappurtati sena qabel. Iż-żieda taʼ €424.5 miljun fil-Programmi u Inizjattivi kellha l-akbar sehem fʼdin iż-żieda. Barra minn dan, kienu rreġistrati żidiet fis-Salarji u Pagi (€183.1 miljun), fil-Kontribuzzjonijiet għall-Entitajiet tal-Gvern (€78.5 miljun) u fl-Ispiża tal-Operat (€36.4 miljun). L-iżviluppi ewliena fil-kategorija tal-Programmi u Inizjattivi kienu nefqiet akbar fuq il-Benefiċċji tas-Sigurtà Soċjali (€131.9 miljun), ir-Riżorsi tal-UE (€75.7 miljun) u l-Għajnuna għar-ristrutturar tal-linja nazzjonali tal-ajru (€50.7 miljun).
Il-parti tal-imgħax tal-ispejjeż tal-manutenzjoni tad-dejn pubbliku laħqet b’kollox €235.1 miljun, żieda ta’ €42.4 miljun meta mqabbla mas-sena ta’ qabel.
Bejn Jannar u Novembru 2024, in-nefqa kapitali tal-Gvern ammontat għal €733.1 miljun, li hija €35.5 miljun aktar meta mqabbla mal-istess żmien fl-2023. Din iż-żieda kienet ġejja minn nefqiet akbar fuq l-Għotja għax-xiri taʼ vetturi elettriċi (€23.7 miljun), Proprjetà, Impjant u Tagħmir (€20.6 miljun) u l-Kostruzzjoni u t-titjib tat-toroq (€10.7 miljuni). Min-naħa l-oħra, kien hemm tnaqqis taʼ €48.5 miljun fin-nefqa fuq proġetti kapitali.
Id-differenza bejn id-dħul u l-infiq totali wriet defiċit ta’ €102.3 miljuni fil-Fond Konsolidat tal-Gvern fi tmiem Novembru 2024, tnaqqis taʼ €244.3 miljun mid-defiċit taʼ €346.6 miljun li kien irreġistrat is-sena ta’ qabel. Din id-differenza tirrifletti żieda fid-Dħul Rikorrenti totali (€1,044.6 miljun), li kienet sa ċertu punt impattija bʼżieda fin-nefqa sħiħa, li hija magħmula min-Nefqa Rikorrenti (€722.5 miljun), l-Imgħax (€42.4 miljun) u n-Nefqa Kapitali (€35.5 miljun) (Tabella nru 1).
Fl-aħħar taʼ Novembru 2024, id-dejn tal-Gvern Ċentrali kien taʼ €10,362.7 miljun, żieda taʼ €784.7 miljun meta mqabbel mal-2023. Iż-żieda rreġistrata fl-Istokks tal-Gvern taʼ Malta (€791.9 miljun) kienet il-kontribut ewlieni għaż-żieda fid-dejn. Aktar dejn kien irreġistrat ukoll fid-Dejn Barrani (€71.8 miljun) u fil-ħruġ tal-muniti tal-ewro fʼisem it-Teżor (€3.8 miljuni). Fid-direzzjoni opposta, kien hemm tnaqqis fil-Kambjali tat-Teżor (€33.2 miljun) u fl-Istokks taʼ Tifdil 62+ tal-Gvern taʼ Malta (€25.9 miljun). Barra minn hekk, investimenti akbar minn fondi tal-gvern fl-Istokks tal-Gvern ta’ Malta wasslu għal tnaqqis ta’ €23.7 miljun fid-dejn (Tabella nru 6).
Ċart nru 1. Is-surplus/id-defiċit fil-Fond Konsolidat: Jannar-Novembru bis-sena
fʼmiljuni tal-ewro
No Data Found
Ċart nru 2. Id-dħul rikorrenti maqsum bil-kategoriji ewlenin
Jannar-Novembru 2024