L-EU-SILC 2024: Indikaturi Ewlenin

- Il-limitu tar-riskju tal-faqar (ARPT) maħruġ mill-EU-SILC 2024 kien taʼ €12,257.84.
- Fl-2024 l-għadd taʼ persuni f’riskju ta’ faqar, li jgħixu fi djar privati, kien stmat għal 16.8 fil-mija tal-popolazzjoni mistħarrġa, żieda taʼ 0.2 punti perċentwali meta mqabbel mal-2023.
- Mill-EU-SILC 2024, ħareġ li r-rata taʼ persuni fʼriskju taʼ faqar jew esklużjoni soċjali (AROPE) kienet taʼ 19.7 fil-mija, tnaqqis taʼ 0.1 punti perċentwali fuq l-2023.
L-EU-SILC 2024: Indikaturi Ewlenin
L-EU-SILC 2024: Indikaturi Ewlenin

Daħla
L-Istħarriġ tal-Istatistika Ewropea dwar id-Dħul u l-Kundizzjonijiet tal-Għajxien (EU-SILC) isir kull sena mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) fost nies li joqogħdu fi djar privati f’Malta u Għawdex. L-għan tiegħu huwa li jiġbor tagħrif, li jkun jistaʼ jitqabbel, dwar id-dħul, is-saħħa, il-ġid tan-nies, ix-xogħol, u d-deprivazzjoni materjali.
L-istatistika Ewropea dwar id-deprivazzjoni materjali hija msejsa fuq il-ħila jew in-nuqqas tagħha, dejjem kif mifhuma min-nies infushom, tal-familji li jaffordjaw għadd ta’ oġġetti minn sett ta’ 13-il oġġett standard. Minn dawn il-komponenti, joħorġu żewġ kostruzzjonijiet ewlenin, li huma d-deprivazzjoni materjali u soċjali (MSD), u l-indikatur tad-deprivazzjoni materjali u soċjali severa (SMSD). Fl-2024 ir-rata tal-MSD kienet ta’ 9.0 fil-mija, filwaqt li r-rata tal-SMSD kienet ta’ 4.0 fil-mija.
L-istatistika dwar id-dħul tirreferi għas-sena ta’ riferenza 2023, filwaqt li l-komponenti li mhumiex tad-dħul jirreferu għall-2024, li hija s-sena taʼ meta nġabar dan it-tagħrif.
Id-dħul tal-familji
Għas-sena li tirreferi għad-dħul fl-2023, id-dħul gross medju tal-familji kien stmat li jilħaq is-€47,893. Min-naħa l-oħra, l-istima tad-dħul disponibbli medju tal-familji kienet ta’ €38,236. Id-dħul disponibbli huwa mfisser bħala l-ammont ta’ flus fil-but tal-familji, wara li jkunu tnaqqsu t-taxxi, il-kontribuzzjonijiet soċjali u l-allemonji (Tabella nru 1).
Id-dħul mix-xogħol kien jilħaq 82.8 fil-mija tad-dħul gross kollu tal-familji, fis-sena 2023. Is-sehem tal-benefiċċji soċjali (inklużi l-benefiċċji tax-xjuħija), min-naħa l-oħra, kien jammonta għal 13.9 fil-mija tad-dħul gross kollu tal-familji (Tabella nru 2, Ċart nru 1).
Ċart nru 1. It-tqassim tad-dħul gross tal-familji
No Data Found
Id-Dħul Ekwivalizzat Nazzjonali (NEI)
In-NEI ta’ familja jindika d-dħul disponibbli kollu tal-familja li jinqasam bid-“daqs ekwivalenti” tagħha (imsejjaħ ukoll unitajiet ta’ konsum). In-NEI iqis id-daqs u t-tqassim tal-età tal-membri tal-familja. Il-ko-effiċjent Gini huwa wieħed mill-kejlijiet tal-inugwaljanza fid-dħul li jvarja bejn 0 u 100 fil-mija. Ko-effiċjent Gini ta’ 0 fil-mija juri tqassim perfettament ugwali tad-dħul. Min-naħa l-oħra, ko-effiċjent Gini ta’ 100 fil-mija juri li hemm inugwaljanza sħiħa fid-dħul.
Il-proporzjon S80/S20, li jqabbel il-medja tad-Dħul Ekwivalizzat Nazzjonali (NEI) tal-ogħla u l-inqas 20 fil-mija ta’ dawk li kellhom dħul, kien ikkalkulat għal 5.0 (Tabella nru 1).
Il-ko-effiċjent Gini għal Malta, kif maħruġ mill-EU-SILC 2024, naqas bi 2.2 punti perċentwali għal 30.8 fil-mija, meta mqabbel mas-sena ta’ qabel (Tabella nru 1).
In-nuqqas taʼ flus (ARP)
Ir-rata tar-riskju tal-faqar (ARP) tfisser l-għadd taʼ nies bi dħul disponibbli ekwivalizzat li jkun taħt il-limitu tar-riskju ta’ faqar (ARPT), li qiegħed 60 fil-mija tad-dħul disponibbli ekwivalizzat medjan nazzjonali wara t-trasferimenti soċjali. Għaldaqstant, dawk li wieġbu għall-EU-SILC u li n-NEI tagħhom jaqa’ taħt dan il-limitu jitqiesu li huma f’riskju ta’ faqar.
L-ARPT maħruġ mill-EU-SILC 2024 kien stmat għal €12,258, li huwa 7.9 fil-mija ogħla meta mqabbel mas-sena ta’ qabel (Tabella nru 1).
Fuq il-bażi tas-sena tad-dħul 2023, l-għadd ta’ persuni f’riskju ta’ faqar li joqogħdu Malta kien stmat għal 92,690 jew 16.8 fil-mija tal-popolazzjoni mistħarrġa (Tabella nru 1).
Ir-rati tal-ARP għall-irġiel u n-nisa tqiesu fid-daqs taʼ 15.6 fil-mija u 18.3 fil-mija rispettivament, tnaqqis taʼ 0.1 punt perċentwali għall-irġiel u żieda taʼ 0.7 punti perċentwali għan-nisa, meta mqabbla mas-sena ta’ qabel. Ir-rata tal-ARP fost persuni taħt it-18-il sena kienet ikkalkulata għal 24.1 fil-mija, u żdiedet bi 2.1 punti perċentwali mis-sena ta’ qabel. Bl-istess mod, meta mqabbla mal-EU-SILC 2023, ir-rata għal dawk li għandhom 65 sena jew aktar żdiedet b’0.7 punti perċentwali għal 29.7 fil-mija. Min-naħa l-oħra, deher tnaqqis ta’ 0.2 punti perċentwali għal persuni ta’ bejn it-18 u l-64 sena, biex b’hekk ir-rata tal-ARP għal dan il-koorti niżlet għal 11.9 fil-mija fl-2024 (Tabella nru 3).
Ir-rati ta’ riskju ta’ faqar (ARP) għall-familji bi tfal dipendenti u għall-familji mingħajr tfal dipendenti kienu ta’ 18.1 u 15.9 fil-mija, rispettivament (Ċart nru 2). Il-membri ta’ familji b’persuna waħda u bi tfal dipendenti kienu nnotati li għandhom aktar ċans li jkunu f’riskju ta’ faqar, bi 43.8 fil-mija tagħhom ikollhom dħul disponibbli ekwivalizzat taħt il-limitu tar-riskju ta’ faqar (ARPT). Il-membri ta’ unitajiet domestiċi ta’ persuna waħda b’età ta’ 65 sena jew aktar, u membri ta’ unitajiet domestiċi b’żewġ adulti, li tal-anqas wieħed minnhom ikollu 65 sena jew aktar, u mingħajr tfal dipendenti, kienu wkoll aktar fiċ-ċans li jkunu f’riskju ta’ faqar (Tabella nru 4).
Ċart nru 2. Ir-rati taʼ riskju taʼ faqar, bit-tip taʼ familja
No Data Found
Ir-rata ta’ riskju ta’ faqar (ARP) fost nies li jgħixu f’familji b’mill-inqas membru wieħed ta’ età bejn 0-64 sena naqset għax l-intensità tax-xogħol tal-familji żdiedet. Fil-fatt, 69.4 fil-mija tan-nies li jgħixu f’familji b’intensità tax-xogħol baxxa ħafna nstabu li kienu f’riskju ta’ faqar meta mqabblin maʼ 6.5 fil-mija tan-nies jgħixu fʼfamilji b’intensità tax-xogħol għolja ħafna (Tabella nru 5).
Fis-sena ta’ riferenza dwar id-dħul, kienet irreġistrata żieda fir-rata ta’ riskju ta’ faqar għan-nies li jaħdmu (ara n-nota metodoloġika nru 4) meta mqabblin mal-istħarriġ ta’ qabel. Min-naħa l-oħra, kien hemm tnaqqis fir-rata ta’ riskju ta’ faqar għan-nies irtirati u nies inattivi oħra (Tabella nru 6).
Ħarsa lejn id-distretti turi li t-tqassim tan-nies taħt il-limitu tar-riskju ta’ faqar ma kienx ugwali madwar il-Gżejjer Maltin, bid-distrett tat-Tramuntana jkollu l-akbar sehem ta’ nies f’riskju ta’ faqar. Warajh, ġie d-distrett ta’ Għawdex u Kemmuna. Min-naħa l-oħra, id-distrett tax-Xlokk irreġistra l-aktar rata baxxa ta’ nies f’riskju ta’ faqar (Mappa nru 1).
Mappa nru 1. It-tqassim tar-rata tar-riskju taʼ faqar (ARP) bid-distrett: 2024
Meta tħallew barra t-trasferimenti soċjali, inklużi l-pensjonijiet, ir-rata ta’ riskju ta’ faqar (ARP) fl-2024 żdiedet bʼ16.1-il punt perċentwali, jew 88,250 persuna (Tabella nru 7). Dan juri s-siwi tal-ħarsien soċjali fl-assistenza lill-persuni l-aktar dgħajfa fis-soċjetà.
L-Indikaturi tad–Deprivazzjoni Materjali u Soċjali
L-indikaturi tad-deprivazzjoni materjali u soċjali huma msejsa fuq 13-il fattur, li sebgħa minnhom għandhom x’jaqsmu mal-familja tal-persuna u s-sitta l-oħra huma relatati mal-persuni nfushom. Din il-lista ta’ komponenti ġiet adottata mill-Istati Membri tal-UE fl-2017 (ara n-nota metodoloġika nru 5). Minn dan is-sett ta’ komponenti, jinkisbu żewġ indikaturi ewlenin, jiġifieri, l-indikatur tad-Deprivazzjoni Materjali u Soċjali (MSD) u l-indikatur tad-Deprivazzjoni Materjali u Soċjali Severa (SMSD).
Persuna li tgħix f’dar titqies li hija mċaħħda materjalment u soċjalment jekk hija ma tkunx taffordja mill-inqas ħamsa mit-13-il oġġett, filwaqt li dawk li ma jkunux jaffordjaw mill-inqas sebgħa minn dawn l-oġġetti jitqiesu li huma mċaħħda materjalment u soċjalment bʼmod sever. Fl-EU-SILC 2024, ir-rata tal-MSD kienet ta’ 9.0 fil-mija, filwaqt li r-rata tal-SMSD kienet ta’ 4.0 fil-mija, tnaqqis ta’ 0.2 punti perċentwali, u 0.1 punti perċentwali, rispettivament, meta mqabbla mal-EU-SILC 2023 (Tabella nru 8, Ċart nru 3).
Ċart nru 3. Tqabbil bejn id-Deprivazzjoni Materjali u Soċjali (MSD) u d-Deprivazzjoni Materjali u Soċjali Severa (SMSD) fl-aħħar ħames snin
No Data Found
B’riferenza għal oġġetti speċifiċi ta’ deprivazzjoni tal-familji, 28.8 fil-mija tal-popolazzjoni mistħarrġa qalet li l-familja tagħhom ma setgħetx taffordja tħallas għal btala ta’ ġimgħa fis-sena ʼl bogħod mid-dar. Warajhom, 18.3 fil-mija ta’ dawk li wieġbu qalu li l-familja tagħhom ma setgħetx tħallas spiża mhux mistennija ta’ madwar €900. Bil-maqlub taʼ dan, 1.8 fil-mija biss urew li l-familja tagħhom ma taffordjax li jkollha karozza (Tabella nru 8, Ċart nru 4a).
B’riferenza għal oġġetti speċifiċi ta’ deprivazzjoni personali, 11.1 fil-mija ta’ dawk li wieġbu stqarrew li ma kinux jaffordjaw li jieħdu sehem f’attività ta’ divertiment fuq bażi regolari u jonfqu ammont żgħir ta’ flus kull ġimgħa fuqhom infushom. Intqal ukoll li 5.4 fil-mija tal-popolazzjoni mistħarrġa ma kinitx tiflaħ tbiddel ħwejjeġ użati bi ħwejjeġ ġodda, u 5.3 fil-mija ma kinux jifilħu jkollhom żewġ pari żraben li jiffittjaw kif suppost (Tabella nru 8, Ċart nru 4b).
Ċart nru 4a. Ir-rati ta’ Deprivazzjoni Materjali u Soċjali tal-familji fost dawk li wieġbu