Il-Jum Dinji tar-Refuġjati: 20 ta’ Ġunju 2023
NR108/2023
Data tal-Ħruġ: 19 ta’ Ġunju 2023
Fl-2022, l-Aġenzija Internazzjonali għall-Protezzjoni (IPA) rċeviet total ta’ 1,318-il talba għall-ħarsien internazzjonali (mbarra dawk għall-ħarsien temporanju). Dan huwa tnaqqis ta’ 17.4 fil-mija fuq is-sena ta’ qabel.
Il-wasliet bid-dgħajjes u t-talbiet għall-ħarsien internazzjonali
Matul l-2022, ġew irreġistrati għaxar żbarki ta’ dgħajjes f’Malta li ġabu 445 persuna (inkluż persuni mtellgħin minn fuq il-baħar bl-ajru), li juru tnaqqis ta’ 46.9 fil-mija meta mqabblin mal-2021 (Tabella nru 1). Il-maġġoranza tal-persuni li nġiebu lejn l-art (90.6 fil-mija) kienu ċittadini ta’ pajjiżi Asjatiċi, filwaqt li d-9.4 fil-mija l-oħra kienu ċittadini ta’ pajjiżi Afrikani (Tabella nru 2). F’Settembru, kien irreġistrat l-ogħla numru ta’ persuni li nġiebu lejn ix-xtut Maltin: 176 persuna; segwiti minn wasliet f’Novembru u Awwissu, b’116-il persuna u b’84 persuna, rispettivament (Tabella nru 3).