Id-Demografija tan-Negozji: 2023

- Ċifri proviżorji għall-2023 juru li fʼMalta kien hawn 56,358 intrapriża, li kienu jħaddmu 252,021 persuna.
- L-intrapriżi fil-Kummerċ bl-ingrossa u bl-imnut (Taqsima tan-NACE G); fl-Attivitajiet professjonali, xjentifiċi u tekniċi (Taqsima tan-NACE M) u fil-Kostruzzjoni (Taqsima tan-NACE F) kienu jiġbru fihom 42.2 fil-mija tal-intrapriżi kollha u kienu jsostnu 33.5 fil-mija tal-impjiegi.
- Fl-2023, 71.8 fil-mija tal-intrapriżi kienu taʼ persuni jaħdmu għal rashom u bi sħubija, filwaqt li 27.8 fil-mija kienu kumpaniji privati (Ltd jew Plc).
- Ċifri proviżorji juru li dawk li jħaddmu kienu jilħqu d-19,487 fʼMalta fl-2023.
Id-Demografija tan-Negozji: 2023
Id-Demografija tan-Negozji: 2023

Din l-istqarrija tal-aħbarijiet hija kkompilata bl-użu tal-unità tal-istatistika tal-’intrapriża’. Din tista’ tkun magħmula minn unità ta’ negozju legali waħda jew aktar, li tipproduċi oġġetti jew servizzi u li għandha ċerta grad ta’ awtonomija fit-teħid tad-deċiżjonijiet (Ara n-nota metodoloġika nru 6). Ċifri proviżorji għall-2023 juru li f’Malta kien hawn 56,358 intrapriża, żieda ta’ 4.9 fil-mija, jew 2,616-il intrapriża, meta mqabbel mal-2022.
Is-settur tal-Kummerċ bl-ingrossa, bl-imnut u t-tiswija ta’ vetturi bil-mutur u muturi (Taqsima tan-NACE G) kien responsabbli għal 17.6 fil-mija tal-intrapriżi; l-Attivitajiet professjonali, xjentifiċi u tekniċi (Taqsima tan-NACE M) kienu responsabbli għal 14.4 fil-mija, filwaqt li l-Kostruzzjoni (Taqsima tan-NACE F) kienet responsabbli għal 10.2 fil-mija (Tabella nru 1, Ċart nru 1).
Meta mqabbel mas-sitwazzjoni fis-sena taʼ qabel, in-negozji żgħar ħafna (micro) li jħaddmu sa disgħa persuni żdiedu bʼ4.6 fil-mija, filwaqt li n-negozji ż-żgħar li jħaddmu bejn 10 u 49 persuna, żdiedu bʼ9.4 fil-mija. In-negozji taʼ daqs medju li jħaddmu bejn 50 u 249 persuna żdiedu bʼ7.1 fil-mija. In-negozji li jħaddmu 250 persuna u aktar żdiedu bʼ9.2 fil-mija (Tabella nru 1, Ċart nru 2).