Home » L-Aċċidenti tat-Traffiku: Ir-Rabaʼ Kwart tal-2023
L-għadd taʼ aċċidenti tat-traffiku rrappurtati tul ir-rabaʼ kwart tal-2023 laħaq it-3,977, li huwa żieda taʼ 4.2 fil-mija fuq l-istess żmien tal-2022. L-akbar numru taʼ aċċidenti kienu rreġistrati fid-distrett tat-Tramuntana tal-Port bʼ1,432 każ jew 36.0 fil-mija tal-aċċidenti kollha (Tabella nru 1).
It-tidrib fl-aċċidenti tat-traffiku żdied bi 12.1 fil-mija sabiex laħaq 427 meta mqabbel mal-istess perjodu tal-2022. Il-persuni midrubin gravi ammontaw għal 110 u kienu magħmulin minn 66 sewwieq, disaʼ passiġġieri u 35 persuna mixjin/ċiklisti/oħrajn. It-tidrib sofrut minn tliet sewwieqa u erbaʼ persuni mexjin kien fatali (Tabelli nri 4-6). Matul ir-rabaʼ kwart tal-2023, kien hemm l-istess għadd taʼ mwiet mill-aċċidenti tat-traffiku tal-istess perjodu tal-2022 (Ċart nru 1).
L-akbar għadd taʼ dawk li ndarbu gravi kienu rġiel (79.1 fil-mija). Barra minn hekk, il-persuni li mietu fl-aċċidenti tat-traffiku kienu ħamest irġiel u żewġ nisa. 37.9 fil-mija tat-tidrib kien jinvolvi persuni taʼ bejn is-26 u l-40 sena (Ċart nru 2 u Tabella nru 5).
No Data Found
L-akbar għadd taʼ tidrib mill-aċċidenti tat-traffiku (55.3 fil-mija) kien jinvolvi karrozzi tal-passiġġieri. Warajhom, ġew dawk l-aċċidenti li kienu jinvolvu l-muturi (33.3 fil-mija) u l-vetturi tal-ġarr tal-merkanzija (5.2 fil-mija). Is-sebat imwiet kienu jinvolvu sewwieq li ħabat maʼ vettura oħra, żewġ sewwieqa li ħabtu maʼ proprjetà u erbgħa min-nies li ntlaqtu minn vettura meta kienu mixjin. L-għadd taʼ ċiklisti li kienu involuti fʼaċċidenti tat-traffiku laħaq is-sitta, li tlieta minnhom ġarrbu ġrieħi gravi u t-tlieta l-oħra ndarbu ħafif (Tabelli nri 6 u 7). It-tidrib ikkaġunat minn ħbit bejn vetturi kien jifforma l-akbar numru taʼ tidrib bʼ69.6 fil-mija tat-tidrib kollu li ġara fʼdawn l-aċċidenti tat-traffiku (Tabella nru 7).
Fil-jum tal-Ġimgħa ġraw l-akbar għadd taʼ tidrib bʼ77 tidriba, filwaqt li l-akbar għadd taʼ aċċidenti ġraw fil-jum tat-Tlieta bʼ665 każ jew 16.7 fil-mija tat-total (Tabella nru 8). Il-maġġoranza tal-aċċidenti tat-traffiku seħħew fil-ħin taʼ bejn id-disgħa u nofsinhar (09:00-11:59) bʼ923 każ jew 23.2 fil-mija tat-total; segwiti minn dawk li ġraw bejn nofsinhar u t-tlieta (12:00-14:59) bʼ906 każi. L-inqas għadd taʼ aċċidenti ġraw bejn it-tlieta u s-sitta taʼ filgħodu (03:00-05:59) bi 53 każ (Tabella nru 9).
L-ogħla inċidenza taʼ aċċidenti tat-traffiku kienet irreġistrata fʼBirkirkara bʼ287 każ, segwita minn Ħal Qormi u San Pawl il-Baħar, bʼ240 u bʼ201 każ rispettivament (Tabella nru 10, Mappa nru 1 u Ċart nru 5).
Taʼ Kerċem, Il-Fontana, Il-Munxar, L-Għasri u San Lawrenz irreġistraw anqas minn ħames aċċidenti tat-traffiku. (Mappa nru 1 u Tabella nru 10).
Mappa nru 1. L-aċċidenti tat-traffiku bil-lokalità: Ottubru-Diċembru 2023
Mqabblin mal-istess żmien tas-sena taʼ qabel, id-distretti kollha rreġistraw żieda fl-aċċidenti tat-traffiku għajr Ix-Xlokk, u Għawdex u Kemmuna. Dawn it-tnejn urew tnaqqis. Id-distrett tat-Tramuntana tal-Port irreġistra l-ogħla żieda fil-persentaġġ tal-aċċidenti tat-traffiku bʼ10.4 fil-mija, segwit mid-distrett tat-Tramuntana bʼżieda taʼ 6.6 fil-mija (Tabella nru 1 u Mappa nru 2).
Mappa nru 2. It-tibdil perċentwali fl-aċċidenti tat-traffiku bid-distrett: Ottubru-Diċembru 2023/2022
Il-perspettiva annwali
Fl-2023, l-għadd ta’ mwiet laħaq is-16. Dan huwa tnaqqis taʼ 12 meta mqabbel mas-sena ta’ qabel (Ċart nru 1). L-aċċidenti rrappurtati bit-tidrib ammontaw għal 1,390, żieda ta’ 49 wieħed jew 3.7 fil-mija meta mqabblin mal-2022. Barra minn hekk, l-aċċidenti bla tidrib ammontaw għal 15,024, żieda ta’ 652 każ jew 4.5 fil-mija fuq il-każijiet irrapportati fis-sena taʼ qabel (Tabelli nri 2-3). It-tielet kwart tal-2023 irreġistra l-ogħla għadd ta’ aċċidenti (4,351), filwaqt li r-raba’ kwart tal-2023 irreġistra l-ogħla għadd ta’ mwiet (sebgħa) (Ċart nru 1).
October-December 2023
No Data Found