Qiegħed tieħu sehem fʼxi Stħarriġ?

Qiegħed tieħu sehem fʼxi Stħarriġ?

L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) huwa mogħti s-setgħa mill-Att tal-Istatistika taʼ Malta – Kap. 422 tal-Liġijiet taʼ Malta sabiex jibġor informazzjoni għall-istatistika uffiċjali. Għalhekk, l-individwi, il-familji u l-entitajiet magħżulin għandhom obbligu legali li jwieġbu u jagħtu t-tagħrif mitlub mill-NSO. Dan joħloq obbligazzjoni legali, u għalhekk, huwa mħares minn Artiklu 6 tar-Regolamenti Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR).

L-NSO huwa obbligat sabiex jiżgura li l-ħidma kollha tiegħu, inkluż il-ġbir tal-informazzjoni, tirrispetta l-kunfidenzjalità tal-individwu, il-familja u/jew l-entità li jagħtuh it-tagħrif u kull tagħrif ippubblikat ma jistax ixandar l-identità tagħhom, la direttament u lanqas indirettament, għajr meta jkun inkiseb il-kunsens mingħandhom minn qabel. It-tagħrif huwa mmaniġġjat skont il-bżonn anki ġewwa l-Uffiċċju stess u l-aċċess jingħata biss lill-persuni li jkunu qed jaħdmu fuq is-sett taʼ data.

L-uffiċjali kollha li jaħdmu l-NSO joqgħodu għall-Ġurament tas-Satra kif ordnat mill-Att tal-MSA. Il-Ġurament jqiegħed aktar responsabbiltà legali fuq l-uffiċjali tal-istatistika sabiex jagħmlu użu xieraq mit-tagħrif li jkollhom fʼidejhom.

Kif nistaʼ nkun żgur li l-persuna li tkun ċemplitli hija tassew rappreżentanta tal-NSO?

Hija l-prassi tal-NSO li qabel ma jsir kuntatt maʼ individwi u familji li jkunu ntgħażlu fil-kampjuni, dawn tkun ntbagħtetilhom ittra taʼ notifika bʼtagħrif meħtieġ dwar l-istħarriġ li jkun għaddej u l-proċess tal-ġbir tal-informazzjoni.

Fejn jidħlu stħarriġiet wiċċ imb wiċċ, l-intervistaturi tagħna jkunu qegħdin iċemplulek minn qabel sabiex jagħmlu appuntament maqbul miegħek għal meta tkun tistaʼ ssir l-intervista. Il-biċċa l-kbira tal-intervisti jsiru fid-djar jew xi mkien maqbul u xieraq (eż. l-uffiċċju tal-NSO jew il-post tax-xogħol tiegħek).

L-intervistaturi tagħna huma kollha mogħtija tikketta li tidentifikhom u li għandha tkun murija qabel l-intervista li ssir wiċċ imb wiċċ.

L-NSO jixtieq irodd ħajr lil dawk kollha li, xi darba jew oħra, ħadu sehem fl-istħarriġiet tiegħu għax kien bʼriħithom li setaʼ jipproduċi u jxerred statistika taʼ kwalità għolja għal Malta.

Stħarriġiet mal-Familji u d-Djar

L-Istatistika Ewropea dwar id-Dħul u l-Kundizzjonijiet tal-Għajxien (EU-SILC) hija stħarriġ tal-istatistika, li tistaʼ titqabbel, bl-iskop li tiġbor tagħrif dwar id-dħul, is-saħħa u d-diżabbiltà, l-impjiegi, u ċ-ċaħda materjali. Fʼdan il-kuntest, l-indikaturi li joħorġu mill-EU-SILC għandhom l-iskop li jidentifikaw dawk is-saffi li jkunu l-aktar suġġetti għall-faqar u ċ-ċaħda materjali. Dan l-istħarriġ isir taħt ir-Regolament tal-Qafas Ewropew (EC) No 1177/2003.

Aktar tagħrif dwar l- EU-SILC jinstab hawn:

» Find out more on EU SILC.

L-Istħarriġ dwar is-Suq tax-Xogħol (LFS) huwa stħarriġ, li dejjem għaddej, fost familji u djar privati bil-għan li jiġbor informazzjoni dwar il-forza tax-xogħol taħt ir-Regolament tal-Qafas Ewropew (EC) No. 2019/1700 li jistabbilixxi qafas komuni għall-istatistika Ewropea dwar il-persuni u d-djar (regolament IESS). L-iskop ewlieni tiegħu huwa li jaqsam il-popolazzjoni fl-età taʼ minn ħmistax-il sena ʼl fuq fi tliet gruppi li jeskludu lil xulxin: dawk li jaħdmu, dawk qiegħda, u dawk li mhumiex attivi, u għalhekk, jipprovdi tagħrif deskrittiv dwar kull wieħed minn dawn il-gruppi.

Aktar tagħrif dwar l-LFS jinstab hawn

Din il-ġabra taʼ statistika hija magħmula minn data tat-turiżmu li għandha xʼtaqsam biss maʼ vjaġġi interni u vjaġġi ʼl barra mill-pajjiż skont ir-Regolament (EU) 692/2011 tal-Parlament u l-Kunsill Ewropej li tikkonċerna statistika dwar id-domanda turistika. Din l-istatistika tinkludi tagħrif dwar ir-residenti fl-età taʼ minn ħmistax-il sena ʼl fuq; id-domanda turistika (il-parteċipazzjoni, il-vjaġġi, l-iljieli, u l-infiq); il-parteċipazzjoni fit-turiżmu għal raġunijiet personali, l-għadd taʼ vjaġġi turistiċi; l-għadd taʼ ljieli mqattgħin; u l-infiq fuq dawn il-vjaġġi.

Aktar tagħrif dwar l-Istħarriġ tat-Turiżmu Nazzjonali jinstab hawn.

L-għan primarju tal-istħarriġ tat-Tourstat huwa li jiġmaʼ tagħrif dwar it-talba għat-turiżmu, kemm għal vjaġġi deħlin ġewwa l-pajjiż kif ukoll għal vjaġġi ħerġin ʼl barra mill-pajjiż, u li jkunu bʼmill-anqas lejl wieħed imqattaʼ barra mill-ambjent li s-soltu tkun fih il-persuna. L-istatistika dwar it-talba għat-turiżmu tinkludi kemm informazzjoni dwar il-parteċipazzjoni fit-turiżmu kif ukoll tagħrif dwar il-vjaġġi turistiċi, in-nies li jagħmluhom, jew żjajjar taʼ jum wieħed.

Il-karatteristiċi taż-żjajjar taʼ jum wieħed ʼl barra mill-pajjiż jitgħaddew lill-Eurostat kull sena sabiex ikunu milħuqin l-obbligi tar-Regolament (EU) No. 692/2011 li għandu xʼjaqsam mal-istatistika Ewropea tat-turiżmu u li jħassar Direttiva 95/57/EC tal-Kunsill. L-ewwel sena taʼ riferenza kienet fl-1 taʼ Jannar 2014.

Aktar tagħrif dwar l-istħarriġ tat-Tourstat jinstab hawn.

Bejn Ottubru u Diċembru tal-2022, sar studju nazzjonali li kien magħruf bħala l-Istħarriġ tal-Ħiliet taʼ Malta. Dan l-istudju kien l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu u kellu l-għan li jara fiex inhuma l-ħiliet u l- kwalifiki fost il-popolazzjoni fl-età li taħdem. Is-sejbiet tiegħu jitfgħu dawl fuq l-għadd taʼ ħiliet u snajjaʼ tal-ħaddiema fʼMalta.

» Kopja tal-Istħarriġ tal-Ħiliet

» Aktar informazzjoni tinsab hawn. 

Stħarriġiet man-Negozji

L-Istħarriġ tal-Istatistika tal-Akkomodazzjoni (Accomstat) jiġbor tagħrif mingħand l-Istabbilimenti taʼ Akkomodazzjoni Kollettiva dwar il-wasliet tal-mistednin, l-iljieli mqattgħin, u l-kmamar mikrija. Dan it-tagħrif jinġabar kull xahar. Tistaʼ tidħol fʼdan l-istħarriġ minn din il-ħolqa. 

L-Intrastat jiġmaʼ tagħrif mingħand il-kummerċjanti dwar il-kummerċ taʼ prodotti fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea. Dan l-istħarriġ kien ħa post id-dikjarazzjonijiet tad-Dwana bħala l-għajn tal-istatistika tal-kummerċ fl-UE. Dan it-tagħrif jinġabar kull xahar. Tistaʼ tidħol fʼdan l-istħarriġ minn din il-ħolqa.

 

L-Istħarriġ elettroniku tal-Istatistika taż-Żmien Qasir (eSTS) jiġbor tagħrif mingħand xi intrapriżi dwar id-dawran, l-impjiegi, is-sigħat maħduma, u l-pagi u s-salarji. Bis-saħħa tat-tagħrif mogħti, ikunu jistgħu jinħarġu diversi indikaturi taʼ skadenzi qosra fʼgħamla taʼ indiċijiet. Dawn l-indiċijiet jagħtu għarfien importanti bikri dwar l-iżvilupp tal-ekonomija. Dan it-tagħrif jinġabar kull xahar u kull staġun. Tistaʼ tidħol fʼdan l-istħarriġ minn din il-ħolqa. 

Stħarriġiet Oħrajn

Dan l-istħarriġ ifittex li jerfaʼ l-feedback mingħand dawk li jkunu nqdew bl-istatistika tal-NSO dwar il-kwalità u l-ħinijiet tax-xogħol servut lilhom. Dan l-istħarriġ jistħarreġ ukoll l-utilità tal-Istqarrijiet tal-Aħbarijiet tal-NSO u t-tweġibiet mogħtija għat-talbiet li jkunu saru għat-tagħrif. Jiġbor ukoll informazzjoni dwar l-iskopijiet li għalihom tkun intużat l-istatistika tal-NSO, iqabbel il-kwalità tax-xogħol tal-NSO maʼ dik taʼ organizzazzjonijiet oħrajn, ikejjel il-fiduċja tal-utenti fl-istatistika u jistħarreġ l-attivitajiet tagħhom fis-sit elettroniku tal-NSO.

» Aktar tagħrif.

Dan l-istħarriġ jitlob tagħrif dwar l-istil taʼ ħajja tar-residenti Maltin, fosthom tagħrif dwar il-mezzi tagħhom għat-trasport, id-delizzji tagħhom, l-hena tagħhom fil-ħajja, it-tipjip u t-teħid tal-alkoħol minnhom, saħħithom, l-ikel tal-frott u l-ħaxix minnhom, u l-piż u t-tul tagħhom.

» Aktar tagħrif.

L-Isħarriġ dwar l-Użu tal-Ħin (TUS) kien ġabar tagħrif dwar kif in-nies fl-età minn għaxar snin ʼil fuq jqattgħu ħinhom.

Time-use_Survey.pdf

Kalkulatur tal-Inflazzjoni Kalendarju tal-Istqarrijiet tal-Aħbarijiet Talbiet għat-Tagħrif Mistoqsijiet dwar il-Kodiċi tan-NACE
Skip to content
NSO Malta
Privacy Overview

This website uses cookies so that we can provide you with the best user experience possible. Cookie information is stored in your browser and performs functions such as recognising you when you return to our website and helping our team to understand which sections of the website you find most interesting and useful.