L-Aċċess għall-Mikrodata

It-tagħrif miġbur fl-istħarriġiet (kampjuni jew ċensimenti) huwa taʼ spiss meħtieġ għal analiżi bir-reqqa u l-bini ta’ mudelli. Dan iġib flessibiltà enormi fit-tħaddim tad-data u fil-ħruġ ta’ riżultati f’għamla ta’ tabelli skont it-talbiet ta’ min jitlobhom. Dan jippermetti użu aħjar u analiżi aktar bir-reqqa tad-data tal-istatistika miġbura, użu aħjar tal-fondi pubbliċi, u għaldaqstant, tnaqqis fil-piż fuq dawk li jkunu mitluba jwieġbu għall-istatistika. Id-data tal-istatistika miġbura hija magħrufa bħala Mikrodata.

Il-mikrodata hija mibnija minn sett ta’ rekords, fejn kull rekord jirrapreżenta r-rispons ta’ min ikun wieġeb għall-mistoqsijiet ta’ xi stħarriġ partikulari. Dawn li jipprovdu d-data jvarjaw minn individwi, familji, jew negozji, skont it-tip ta’ stħarriġ li jkun qed isir. Fajl tal-mikrodata huwa għaldaqstant magħmul minn ikkowdjar u jirrekordja b’mod elettroniku kull rispons għal mistoqsijiet kollha relevanti.

Minkejja l-importanza tas-settijiet tal-mikrodata għall-issodisfar tal-bżonnijiet tar-riċerkaturi u n-natura dejjem tinbidel tal-irriċerkar innifsu, id-dritt għal privatezza u l-protezzjoni tal-persuni, familji, jew negozji fil-kuntest tal-ipproċessar kunfidenzjali tad-data huma mħarsa fil-liġi. Il-kunfidenzjalità tal-istatistika għandha l-għan ewlieni li tipproteġi l-privatezza fil-qasam tal-istatistika u hija ċ-ċavetta għal fiduċja li trid tinżamm bejn l-entitajiet tal-istatistika u dawk li jipprovdu d-data.

Il-kunfidenzjalità tal-istatistika tirreferi għal ħarsien tal-informazzjoni ta’ individwi u organizzazzjonijiet sabiex tiżgura li informazzjoni dwar xi persuna, familja, jew negozju li tista’ tkun identifikabbli ma tkunx disponibbli jew murija lil persuni jew entitajiet mingħajr permess. Normalment, data kunfidenzjali tkun ikkaratterizzata minn ċerta sensittività u valur, u ma tkunx faċilment disponibbli minn għejun oħrajn.

Dwar dan, bilanċ bejn it-tnaqqis fis-sogru tal-għarfien tal-unitajiet statistiċi, u l-bżonn tat-tagħrif tas-soċjetà huwa mfittex. Il-mikrodata hija pproċessata b’għodod statistiċi adatti li jkunu maħduma bl-għan li jinżamm kontroll fuq l-iżvelar ta’ statistika, u b’hekk ikun imnaqqas is-sogru tal-għarfien tal-unitajiet statistiċi.

Fl-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO), il-mikrodata hija mogħtija biss taħt kundizzjonijiet iebsin lil għadd magħżul ta’ istituzzjonijiet jew persuni li jkunu magħduda bħala entitajiet ta’ riċerka jew riċerkaturi rispettivament. Dawn il-kunċetti huma mfissra fid-dettal hawn taħt.

L-għarfien bħala ‘Entità tar-Riċerka’ jew ‘Riċerkatur’  

Fl-NSO, l-aċċess għall-mikrodata anonimizzata jingħata biss lil entitajiet ta’ riċerka jew riċerkaturi għal użu fi proġetti ta’ riċerka. Dawn il-kundizzjonijiet huma ċċarati hawn taħt:

Entità ta’ riċerka jew riċerkatur ikunu rikonoxxuti meta jkunu kapaċi juru, għas-sodisfazzjon tad-Direttur Ġenerali tal-NSO, li huma:

1) Għandhom l-għarfien xieraq u l-esperjenza meħtieġa sabiex jimmaniġġjaw tagħrif li jista’ jintgħaraf;

2) Ikunu taw prova biżżejjed li turi professjonalità u ħila teknika li jwettqu l-proposta ta’ riċerka sabiex isostnu t-talba tagħhom;

3) Juru impenn li jħarsu u iżommu l-kunfidenzjalità tad-data matul ix-xogħol u l-pubblikazzjonijiet li joħorġu mill-proposta tagħhom.

Proġett ta’ riċerka jservi, fil-fehma tad-Direttur Ġenerali tal-NSO, wieħed minn il-benefiċċji pubbliċi li ġejjin:

1) Jgħin fl-ifformular u l-iżvilupp tal-politika pubblika jew it-twettiq tas-servizz pubbliku;

2) Jagħmel riċerka li tkun se tgħin b’mod sinifikanti l-ekonomija Maltija, is-soċjetà jew il-kwalità tal-ħajja tan-nies f’Malta;

3) Jgħin f’obligazzjoni tal-liġi pubblika (Eż. Il-Pjani Lokali tal-Iżvilupp);

4) Ifittex metodi statistiċi ġodda li jkunu jistgħu jintużaw għall-ħruġ ta’ statistika li taqdi l-interess pubbliku;

5) Itenni, jivvalida jew jipprova riċerka eżistenti.

Il-mikrodata anonimizzata ma tingħatax lil entitajiet ta’ riċerka jew riċerkaturi li l-għan ewlieni tal-proġett tagħhom ikun t-tagħrif ġenerali jew attivita kummerċjali; u / jew jekk għejun oħrajn ta’ data jkunu disponibbli.

L-għarfien bħala entità ta’ riċerka jew riċerkatur huwa limitat għal żmien stipulat u għal għanijiet ta’ proġett ta’ riċerka partikulari.

X’għandi nagħmel biex ikolli aċċess għal mikrodata anonimizzata?

L-ewwel pass

L-ewwel jeħtieġlek tkellem ‘l NSO sabiex tfisser l-għan tar-riċerka statistika tiegħek u tiġġustifika l-ħtieġa tiegħek għal mikrodata. Sabiex tagħmel dan, trid timla l-applikazzjoni t’hawn taħt u tispeċifika l-karatteristiċi tar-riċerka tiegħek u t-tip ta’ data kunfidenzjali li tkun qed titlob. Tkun trid tiffirma dikjarazzjoni li tagħtiha lura ‘l Uffiċċju b’ittra elettronika f’[email protected] jew bil-posta fl-indirizz li ġej: Taqsima tal-Komunikazzjoni u Tixrid, l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, Lascaris, Il-Belt Valletta VLT 2000.

It-tieni pass

Aħna nevalwaw l-applikazzjoni tiegħek wara li nirċievuha.

It-tielet pass

L-NSO jgħarrfek bl-eżitu tad-deċiżjoni tiegħu. Jekk l-aċċess għal mikrodata anonimizzata jkun miċħud, ir-raġunijiet għal dan ikunu mdaħħla fl-ittra. Jekk it-talba tiegħek tkun milqugħa, inti tirċievi kuntratt ta’ ftehim formali li jfisser ir-responsabbiltajiet tiegħek għas-sigurtà ta’ dik l-informazzjoni. L-NSO ifittex li jaħdem fuq it-talba tiegħek mill-aktar fis possibli, li normalment ikun fi żmien tliet ġimgħat mit-tqegħid tal-applikazzjoni.

Ir-raba’ pass

La darba l-kuntratt ta’ ftehim ikun maqbul u iffirmat mill-entità ta’ riċerka jew riċerkatur u l-NSO, jingħata l-aċċess għal mikrodata anonimizzata skont it-termini ta’ referenza mniżżla fl-applikazzjoni u l- kuntratt ta’ ftehim. Normalment, l-aċċess jingħata għal żmien definit li jkun imsemmi fil-ftehim.

Formola tal-applikazzjoni għal mikrodata anonimizzata.

Kalkulatur tal-Inflazzjoni Kalendarju tal-Istqarrijiet tal-Aħbarijiet Talbiet għat-Tagħrif Mistoqsijiet dwar il-Kodiċi tan-NACE
Skip to content