Daħla
L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) twaqqaf f’Marzu tal-1947. Madankollu, l-istatistika uffiċjali kienet ilha tiġi kkompilata u ppubblikata għal ħafna snin. Fl-1872, il-pubblikazzjoni uffiċjali bl-isem ta’ ‘The Malta Blue Book’ kienet tat stampa ta’ Malta u d-Dipendenzi tagħha mill-1863 sal-1872, li fost oħrajn, kienet tkopri l-popolazzjoni, l-edukazzjoni, l-finanzi, u l-kummerċ. Wieħed mill-ewwel volumi ta’ ‘The Blue Book for the Colony of Malta’ kien ippubblikat fl-1851 u kien jinkludi ġabra fil-qosor tal-għadd tal-popolazzjoni li ħareġ miċ-Ċensiment tal-1842.
L-NSO huwa l-fergħa eżekuttiva tal-Awtorità tal-Istatistika ta’ Malta. Huwa responsabbli għall-ġbir, l-ikkompilar, l-analiżi u l-pubblikazzjoni ta’ firxa wiesgħa ta’ informazzjoni ta’ statistika u ħwejjeġ ta’ din ix-xorta. Dan ma jwaqqafx dipartimenti jew istituzzjonijiet oħrajn tal-gvern milli jiġbru d-data tal-istatistika huma wkoll għall-għanijiet tagħhom.
It-tagħrif mogħti lill-NSO huwa meqjus bħala kunfidenzjali. Dan it-tagħrif jintuża biss fl-ikkompilar tar-rapporti ta’ statistika. L-ebda tagħrif dwar prospetti individwali ma jista’ jingħata lil xi entità oħra, kemm pubblika u kemm privata.
L-NSO u l-attivitajiet tiegħu huma rregolati mill-Att tal-Awtorità tal-Istatistika ta’ Malta tas-sena Elfejn.
Ikklikkja hawn biex tara l-Istruttura Organizzazjoni tagħna.
Il-Missjoni Tagħna
Impenjati li nipproduċu statistika uffiċjali indipendenti, ta’ kwalità għolja u rilevanti.
Il-valuri ewlenin tagħna
Indipendenza: Nipproduċu statistika xjentifika u analiżi affidabbli.
Oġġettività: Nagħtu stampa imparzjali tal-isferi soċjo-ekonomiċi u ambjentali bi statistika uffiċjali, u niżguraw aċċess ugwali lill- utenti kollha.
Rilevanza: Nipproduċu statistika li taqdi l-ħtiġijiet tal-utenti kollha.
Kwalità: Niżguraw li l-istatistika maħruġa tkun tal-ogħla kwalità bbażata fuq metodoloġija b’saħħitha u armonizzata.
Transparenza: Nipprovdu u nxerrdu statistika uffiċjali, metodi, proċeduri u rapporti dwar il-kwalità lill-pubbliku bil-mezzi xierqa li huma suġġetti għal reviżjoni.
Kunfidenzjalità: Niżguraw il-privatezza ta’ dawk li jwieġbu għat-talbiet tagħna kif ukoll tas-sorsi permezz ta’ miżuri rigorużi ta’ sigurtà tal-informazzjoni.
Kollaborazzjoni: Naħdmu flimkien mal-partijiet interessati kollha, nazzjonali u internazzjonali, u nsaħħu s-sistema tal-istatistika nazzjonali.
L-NSO jagħlaq 25 sena
Fl-1 taʼ Marzu 2026, l-NSO fakkar għeluq il-25 sena mit-twaqqif tiegħu.
Tul dan iż-żmien, l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) għadda minn vjaġġ liema bħalu – minn istituzzjoni tradizzjonali tal-istatistika nbidel fʼorganizzazzjoni moderna, ħafifa u fdata fil-qalba tal-qafas tat-tfassil tad-deċiżjonijiet imsejsa fuq l-evidenza. Dan il-vjaġġ beda fl-1 taʼ Marzu 2001, meta l-Uffiċċju Ċentrali tal-Istatistika (COS) kien mibdul fl-NSO bl-Att dwar l-Awtorità tal-Istatistika taʼ Malta (MSA). Dan l-Att ta lill-Uffiċċju indipendenza regolatorja u eżekuttiva, li tat mandat legali ċar u qiegħdet is-sisien għas-sistema nazzjonali tal-istatistika moderna, professjonali u fdata li nafu llum.
Dan l-artiklu juri l-kisbiet u l-iżviluppi ewliena tal-NSO tul il-25 sena li għaddew.
