Home » Il-Bilanċ Fiskali u d-Dejn tal-Gvern Ġenerali taħt it-Trattat taʼ Maastricht: It-Tieni Rappurtar għall-2023
Il-Bilanċ Fiskali u d-Dejn tal-Gvern Ġenerali
Id-defiċit tal-Gvern Ġenerali għall-2022 kien taʼ €982.2 miljun, li huwa titjib taʼ €158.6 miljun fuq id-defiċit li kien irreġistrat fis-sena taʼ qabel. Id-defiċit huwa kkalkulat bħala d-differenza bejn id-dħul sħiħ (€5,882.6 miljun) u n-nefqa sħiħa (€6,864.8 miljun) tal-Gvern Ġenerali. Meta jkunu mqabbla l-2022 u l-2021, id-dħul sħiħ żdied bʼ€445.8 miljun, filwaqt li n-nefqa sħiħa żdiedet bʼ€287.2 miljun.
2019 | 2020 | 2021 | 2022 | ||
General Government revenue | € millions | 5,172,309 | 4,762,431 | 5,436,797 | 5,882,591 |
% of GDP | 36.2 | 35.7 | 35.6 | 34.2 | |
General Government expenditure | € millions | 5,098,994 | 6,047,002 | 6,577,531 | 6,864,756 |
% of GDP | 35.7 | 45.3 | 43.0 | 39.9 | |
General Government surplus (+) / deficit (-) | € millions | 73,315 | -1,284,570 | -1,140,734 | -982,164 |
% of GDP | 0.5 | -9.6 | -7.5 | -5.7 | |
General Government debt | € millions | 5,720,265 | 6,974,664 | 8,263,936 | 9,000,485 |
% of GDP | 40.0 | 52.2 | 54.0 | 52.3 |
Meta magħdud bħala persentaġġ tal-PDG, il-bilanċ tal-Gvern Ġenerali kien jiswa daqs defiċit taʼ 5.7 fil-mija, li huwa titjib taʼ 1.8 punti perċentwali meta mqabbel mad-defiċit taʼ 7.5 fil-mija li kien irreġistrat fl-2021.
No Data Found
Id-dejn tal-Gvern Ġenerali żdied bʼ€736.5 miljun fuq l-2021 sabiex ammonta għal €9,000.5 miljun. Fl-2022, il-proporzjon tad-dejn mal-PDG niżel għal 52.3 fil-mija mill-54.0 fil-mija li kien fl-2021 (Tabella nru 1).
No Data Found
Iċ-Ċifri tal-2022
Sabiex sar magħruf il-bilanċ negattiv taʼ €982.2 miljun tas-settur tal-Gvern Ġenerali għall-2022, saru aġġustamenti fil-bilanċ tal-Fond Konsolidat tal-Gvern (L-Istqarrija tal-aħbarijiet tal-NSO 054/2023), li rreġistra defiċit taʼ €900.3 miljun, li huwa titjib taʼ €332.2 miljun fuq id-defiċit irreġistrat fl-2021. L-aġġustamenti huma meħtieġa għat-tranżizzjoni mill-Fond Konsolidat tal-Gvern għall-eżerċizzju li huwa bbażat fuq id-dovuti (accruals) u li huwa kkompilat skont il-metodoloġija stabbilita. L-aġġustamenti jqisu wkoll kemm l-Entitajiet Barra mill-Estimi (EBUs), li huma kklassifikati ġos-settur tal-Gvern Ġenerali (Tabella nru 5), kif ukoll is-settur tal-Gvern Lokali. Tabella nru 3 tipprovdi t-tranżizzjoni mill-Fond Konsolidat għas-settur tal-Gvern Ġenerali.
L-akbar aġġustament negattiv kien jikkonċerna l-Kontijiet Oħra Rċevuti u Mħallsa li ammontaw għal €352.7 miljun, u li fost ħwejjeġ oħra jinkludu ċ-ċifri tal-accruals tad-Dipartiment tat-Teżor, l-aġġustamenti tan-newtralizzazzjoni tal-Fondi tal-UE u l-posponimenti tat-taxxi minħabba l-Covid-19. Aġġustamenti oħra negattivi kienu t-tranżazzjonijiet li ġew indirizzati mill-ġdid fis-settur tal-Gvern Ġenerali u l-ftehimiet għas-sħubiji bejn il-Gvern u l-privat (PPP) (€13.1-il miljun) u il-Clearance Funds tat-Teżor (TCF) fi tranżazzjonijiet mhux finanzjarji (€7.1 miljuni).
Min-naħa l-oħra, l-aġġustamenti pożittivi ewlenin kienu t-tranżazzjonijiet fi flus kontanti aġġustati sabiex jagħtu kemm jista’ jkun stampa kompluta għaż-żmien li jirreferu għalih (€167.9 miljun) u ż-żieda fis-surplus irreġistrata mill-EBUs, li kienet taʼ €95.7 miljun, li fissret żieda taʼ €10.2 miljuni fuq l-2021. Żidiet oħra kienu l-irrekordjar ġdid tal-krediti tat-taxxa mħallsa (€24.3 miljun), l-imgħax irċevut mis-sinking fund (€4.8 miljuni) u s-surplus aggregat taʼ €2.8 miljuni tal-Gvern Lokali.
Rappurtar u aġġornamenti
Fid-29 taʼ Settembru 2023, Malta ssottimettiet il-livelli tad-defiċit u d-dejn tal-Gvern għas-snin 2019-2022, bħala parti mill-Proċedura tan-Notifikazzjoni tad-Defiċit Żejjed (EDP). Dan sar skont ir-Regolament tal-Kunsill (RK) Nru 479/2009, kif emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 220/2014.
Meta mqabbel mas-sottomissjoni taʼ qabel, li kienet saret fit-30 taʼ Marzu 2023, il-bilanċ tal-Gvern Ġenerali kien rivedut għas-snin kollha taħt il-lenti wara bidliet fil-kategorija tal-Kontijiet Oħra Rċevuti u Mħallsa, li tinkludi l-bidla għall-metodu ta’ tranżazzjonijiet fi flus kontanti għar-reġistrazzjoni ta’ skemi ta’ skambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet. Dawn ir-reviżjonijiet kellhom impatt pożittiv fuq il-bilanċ fiskali fl-2019 (€2.1 miljuni) u fl-2021 (€19.9-il miljun), u impatt negattiv fl-2020 (€12.3-il miljun) u fl-2022 (€22.5 miljun). Barra minn hekk, id-disponibbiltà ta’ rapporti finanzjarji awditjati għall-EBUs u għall-kunsilli lokali wasslet għal reviżjoni ‘l fuq fil-bilanċ fiskali b’€0.4 miljun fl-2020, €15.1-il miljun fl-2021 u €21.4 miljun fl-2022.
Ir-reviżjoni ʼl isfel fid-dejn tal-Gvern Ġenerali għas-sena 2022 bi €2.9 miljuni kienet ġejja mit-tlestija taʼ aktar kontijiet awditjati tal-EBUs u l-Gvern Lokali.
Aġġustamenti fl-istock-flow (SFA)
L-SFA, li huwa wkoll magħruf bħala l-aġġustament tad-defiċit u d-dejn, jaqbad dawk it-tranżazzjonijiet jew fatturi li jaffettwaw id-dejn tal-Gvern imma li ma jkunux jidhru fil-bilanċ fiskali tal-Gvern. SFA taʼ -1.4 fil-mija tal-PDG kien irreġistrat fl-2022. Dan jindika li d-defiċit taʼ 5.7 fil-mija tal-PDG żdied bʼaktar mill-bidla tad-dejn tal-Gvern taʼ 4.3 fil-mija tal-PDG. L-SFA kien ġej l-aktar mit-tnaqqis fil-Kontijiet Oħra Rċevuti u Mħallsa (1.9 fil-mija tal-PDG) u fl-Aġġustamenti Oħrajn (0.3 fil-mija tal-PDG). Mill-banda l-oħra, kien hemm żidiet fiż-żamma taʼ titoli tad-Dejn (0.4 fil-mija tal-PDG) kif ukoll fiż-żamma tal-Munita u d-Depożiti (0.2 fil-mija tal-PDG) u Ishma fʼfondi taʼ investiment (0.1 fil-mija tal-PDG) (Tabella nru 4).
Aktar Tagħrif
Fʼdin l-istqarrija, id-data hija ppreżentata fuq il-bażi ta’ x’inhu dovut, bʼkuntrast mal-istqarrijiet taʼ kull xahar dwar iċ-ċifri tal-finanzi tal-Gvern, li jirriflettu l-Fond Konsolidat tal-Gvern u huma ppreżentati fuq il-bażi tal-ħlas. Dan l-eżerċizzju huwa kkompilat skont il-Manwal dwar id-Defiċit u d-Dejn tal-Gvern u Is-Sistema Ewropea tal-Kontijiet Nazzjonali (ESA) 2010 (l-edizzjoni tal-2023). Hija tkopri s-settur tal-Gvern Ġenerali, li jinkludi fih ʼl Gvern Lokali, l-Entitajiet Barra mill-Estimi, u l-Gvern Ċentrali li għandu xʼjaqsam mal-estimi. Huma inklużi wkoll kontijiet oħra tal-Gvern, bħall-Clearance Fund tat-Teżor u s-Sinking Fund, flimkien mal-Fond Konsolidat. Tranżazzjonijiet finanzjarji huma esklużi, u aġġustamenti oħra fuq il-bażi ta’ x’inhu dovut huma inklużi.
It-Tabelli tan-notifika uffiċjali tal-EDP li kienu mgħoddija lill-Kummissjoni Ewropea jinstabu fit-tabelli tal-Excel.
Id-data tal-Fond Konsolidat tal-Gvern jinstabu hawn:
https://nso.gov.mt/public_finance/
Aktar tagħrif kemm dwar il-kategoriji tad-dħul u n-nefqa u kemm dwar l-assi u l-obbligazzjonijiet finanzjarji u d-dejn, kien maħruġ illum fl-Istqarrija dwar ‘Il-Kontijiet taʼ Kull Tliet Xhur tas-Settur tal-Gvern Ġenerali: It-Tieni Kwart tal-2023’. Din tinstab hawn:
https://nso.gov.mt/public_finance/
L-Inventarju Konsolidat tas-Sorsi u l-Metodi tal-EDP fl-ESA 2010 jinsab fis-sit elettroniku tal-NSO. Id-dokument jistaʼ jintlaħaq minn hawn: