Publications

L-Istħarriġ dwar il-Ħiliet taʼ Malta: Ir-Rapport Finali

Data tal-pubblikazzjoni: 19 taʼ Lulju 2024
Taqsira:

F’Ottubru 2022, l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika nieda eżerċizzju nazzjonali taʼ rendikont, li huwa l-Istħarriġ dwar il-Ħiliet taʼ Malta, bil-għan ewlieni li tinġabar statistika ta’ kwalità għolja dwar il-ħiliet tan-nies fis-suq tax-xogħol Malti. Minbarra tagħrif fid-dettall dwar il-ħiliet, l-istħarriġ ġabar ukoll tagħrif dettaljat dwar l-għarfien tal-lingwi, il-kisba edukattiva, l-esperjenza tax-xogħol u l-liċenzji miżmuma. Inġabret ukoll data soċjo-demografika dwar dawk kollha li wieġbu u b’hekk setgħu jsiru paraguni tar-riżultati bejn gruppi differenti tal-popolazzjoni.

Dan l-istħarriġ kellu l-għan li jipproduċi statistika taʼ min joqgħod fuqha msejsa fuq data dwar il-ħiliet u l-kompetenzi, biex b’hekk l-utenti jkunu jistgħu jagħrfu kull nuqqas u tlaqqigħ ħażin fil-ħiliet. Tagħrif bħal dan għandu jagħti għarfien aħjar taʼ kemm is-suq tax-xogħol Malti huwa mħejji biex jiġbed lejh  investiment ġdid. L-analiżi ta’ din id-data sa titfa’ dawl fuq in-nuqqasijiet eżistenti u futuri fil-ħiliet, filwaqt li tenfasizza l-oqsma fejn il-pajjiż jeħtieġ jinvesti f’aktar taħriġ.

Rapport preliminari tas-sejbiet inħareġ f’Ġunju tas-sena l-oħra, filwaqt li f’Mejju ta’ din is-sena l-Uffiċċju ħareġ uħud mir-riżultati aħħarija ewlenin. Din il-pubblikazzjoni tagħti r-riżultati aħħarija u analiżi dettaljata tat-taqsimiet kollha mdaħħla fl-istħarriġ.

Il-Punti Ewlenin tal-Pubblikazzjoni:

• Ix-xogħol bil-kompjuters kien l-aktar kategorija wiesgħa ta’ ħiliet komuni identifikata (78.6 fil-mija), segwit mill-għoti tal-Assistenza u l-kura (78.0 fil-mija) u l-Komunikazzjoni, il-kollaborazzjoni u l-kreattività (75.8 fil-mija).

• In-nisa aktarx li kellhom aktar ħiliet ta’ Assistenza u kura, li juri preferenza aktar b’saħħitha bejn is-sessi għar-rwoli ta’ għoti ta’ kura. B’kuntrast, l-irġiel iddominaw il-ħiliet tal-Kostruzzjoni u dawk relatati mat-Tħaddim tal-makkinarju.

• Individwi iżgħar kellhom it-tendenza li jkunu jinqalgħu aktar fil-ħiliet u l-abbiltajiet teknoloġiċi fil-kategorija tal-Komunikazzjoni, il-kollaborazzjoni u l-kreattività, li juru xejra relatata mal-età favur l-attivitajiet diġitali.

• Persuni li kisbu edukazzjoni ogħla kellhom aktar ċans li jkunu jinqalgħu fil-Komunikazzjoni, il-kollaborazzjoni u l-kreattività, il-ħiliet tal-Kompjuter, u l-ħiliet tal-Maniġment.

• L-aktar tip ta’ liċenzja prevalenti f’Malta hija l-liċenzja tas-sewqan, li kienet miżmuma minn 82.1 fil-mija tal-persuni ta’ bejn il-15 u l-64 sena. It-tieni u t-tielet liċenzji popolari kienu dawk li jawtorizzaw l-użu ta’ Tagħmir/proċeduri nawtiċi u tal-Armi tan-nar. Dawn kienu lura ħafna, fit-tieni u t-tielet post bi 8.4 fil-mija u b’5.4 fil-mija tal-popolazzjoni fil-mira, rispettivament.

• It-tliet lingwi ewlenin li l-persuni bejn il-15 u l-64 sena kienu jinqalgħu fihom fiż-żmien tal-istħarriġ kienu l-Ingliż (96.0 fil-mija), il-Malti (90.4 fil-mija) u t-Taljan (62.0 fil-mija). Lingwi oħra, bħall-Franċiż, l-Ispanjol, il-Ġermaniż u l-Għarbi ngħaqdu mal-ogħla rankijiet tal-pajsaġġ lingwistiku ta’ Malta.

• Mill-istħarriġ ħareġ li qrib l-40 fil-mija tal-popolazzjoni ta’ bejn il-15 u l-64 kellhom ix-xewqa li jtejbu l-ħiliet tagħhom jew li jiksbu ħiliet ġodda. Il-biċċa l-kbira kienu lesti li jagħmlu dan billi jattendu programmi ta’ taħriġ. Għall-persuni li kellhom impjieg, ix-xewqa ewliena kienet li jkunu aġġornati dawk il-ħiliet marbutin mal-impjiegi jew il-karrieri li kellhom fil-mument.

Kalkulatur tal-Inflazzjoni Kalendarju tal-Istqarrijiet tal-Aħbarijiet Talbiet għat-Tagħrif Mistoqsijiet dwar il-Kodiċi tan-NACE
Skip to content