Publications

Il-Ħarsien Soċjali 2024 (snin ta’ riferenza 2018-2022)

Data tal-Pubblikazzjoni: 27 ta’ Ġunju 2024
Taqsira:

Kull persuna għandha jedd għall-ħarsien soċjali. Hemm fis-seħħ sistemi nazzjonali li jgħinu lil dawk il-persuni matul perjodi meta ma jkunux jistgħu jaqilgħu dħul jew ikunu jeħtieġu iżjed għajnuna. Eżempji jinkludu pensjonanti li jkunu rtiraw mill-impjieg, persuni li ma jkunux jistgħux jaħdmu minħabba raġunijiet ta’ saħħa jew ta’ familja, u nisa tqal li jkunu qorbu għall-ħlas. Kull sistema hija magħmula minn għadd ta’ politiki u programmi mmirati lejn safef differenti tal-popolazzjoni, b’kull politika tagħti ħarsien kontra riskju jew ħtieġa speċifika. L-għajnuna tista’ tingħata f’benefiċċji fi flus bħall-benefiċċji tal-qgħad li jitħallsu lill-persuni jirreġistraw għax-xogħol, jew f’benefiċċji f’għamla ta’ oġġetti bħas-servizzi għall-indukrar tat-tfal li jgħinu lill-ġenituri jew gwardjani jilħqu bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja.

Dawk li jaqraw din il-pubblikazzjoni jiksbu fehma aħjar tal-iżvilupp tas-sistema tal-ħarsien soċjali ta’ Malta bejn is-snin ta’ riferenza 2018 u 2022. Id-data dwar in-nefqa soċjali hija rrappurtata skont il-linji gwida mfissra fil-Manwal tal-ESSPROS, kif magħmul mill-Eurostat. B’mod speċifiku, in-nefqa hija kklassifikata skont il-funzjoni tal-ESSPROS billi tipprovdi t-tema għal tmienja mill-10 kapitli tal-pubblikazzjoni, u l-iskema tal-ħarsien soċjali. Kull funzjoni tirreferi għal riskju soċjali li tiffaċċja s-soċjetà; (1) mard/kura tas-saħħa, (2) diżabilità, (3) xjuħija, (4) irmulija, (5) familja/tfal, (6) qgħad, (7) akkomodazzjoni u (8) esklużjoni soċjali.

Fl-aħħar kapitlu mbagħad issir enfasi fuq l-analiżi tal-pożizzjoni ġeografika ta’ dawk li jirċievu l-benefiċċji soċjali madwar il-Gżejjer Maltin. Id-data hija organizzata sal-livell tal-Kunsill lokali u ppreżentata mhux biss numerikament iżda wkoll viżwalment b’diversi mapep mat-tul kollu tal-pubblikazzjoni.

Punti Ewlenin tal-Pubblikazzjoni:

ESSPROS

  • In-nefqa soċjali f’Malta matul l-2022 laħqet b’kollox l-€2,567.2 miljun, tnaqqis ta’ €156.2 miljun jew 5.7 fil-mija mis-sena ta’ qabel.
  • Matul l-istess perjodu, il-PDG żdied bi 13.8 fil-mija u dan wassal biex il-proporzjon tan-nefqa soċjali mal-PDG naqas bi 3.1 punti perċentwali (p.p.) minn 17.8 fil-mija fl-2021 għal 14.7 fil-mija fl-2022.
  • It-tneħħija ftit ftit tal-miżuri kollha ta’ għajnuna li ddaħħlu biex jgħinu lin-nies matul il-pandemija tal-COVID-19 f’Mejju 2022 wasslet biex kienet irreġistrata nefqa soċjali aktar baxxa. Fl-2022, in-nefqa fuq dawn il-miżuri naqset b’€246.0 miljun.
  • Disa’ skemi rrappurtaw nefqa akbar meta mqabblin mal-2021. L-iskemi tal-Benefiċċji Kontributorji u l-Benefiċċji Mhux Kontributorji tas-Sigurtà Soċjali rreġistraw l-akbar tkabbir b’€51.5 miljun u €41.5 miljun, rispettivament.
  • Fost il-funzjonijiet tal-ESSPROS, in-nefqa kienet tvarja minn €1,056.6 miljun (41.2 fil-mija tan-nefqa soċjali kollha) f’benefiċċji tax-xjuħija għal €25.7 miljun (1.0 fil-mija) fi skemi tal-akkomodazzjoni.
  • Wara l-irkupru ta’ €49.3 miljun f’tassazzjoni, il-ħruġ kollu nett fl-2021 laħaq l-€2,674.1 miljun. Dan irrappreżenta żieda ta’ €116.2-il miljun meta mqabbel mal-2020.
  • It-tassazzjoni soċjali miġbura permezz ta’ Miżuri ta’ Għajnuna tal-COVID-19 (€35.7 miljun) kienet tilħaq 72.5 fil-mija tat-total.
  • Sal-aħħar tal-2022, l-għadd ta’ dawk li rċevew il-benefiċċji tal-pensjoni qabeż il-101,000. Il-benefiċjarji rġiel qabżu l-għadd tan-nisa u rrappreżentaw 55.3 fil-mija tat-total.
  • Sebgħa minn kull 10 benefiċjarji tal-pensjoni kienu qed jieħdu pensjoni tat-tip tax-xjuħija.
  • Fl-2022, kien hemm 59,534 persuna li ħadu benefiċċju għall-qgħad fi flus. L-akbar proporzjon tar-riċevituri (73.5 fil-mija) kien jagħmel sehem mill-grupp tal-età ta’ bejn il-25 u l-54 sena.
  • Il-benefiċjarji tal-qgħad laħqu medja ta’ 21,764 persuna fix-xahar. Dan l-għadd kien affettwat ħafna mill-għadd ta’ persuni li kienu fl-iskema tas-Suppliment tal-Pagi. B’kollox, 47,408 persuna ħadu mill-inqas ħlas wieħed permezz ta’ din l-iskema, ekwivalenti għal 79.6 fil-mija tar-riċevituri kollha.

Il-Ħarsien Soċjali fl-UE (2021)

  • In-nefqa soċjali tal-UE fl-2021 ammontat għal 26.4 fil-mija tal-PDG konsolidat, 1.4 p.p. inqas mis-27.8 fil-mija rrappurtati fl-2020.
  • L-akbar proporzjonijiet ta’ ħarsien soċjali mal-PDG kienu rrappurtati fi Franza (31.6 fil-mija) u fl-Awstrija (29.3 fil-mija). Bil-maqlub, l-Irlanda (11.3 fil-mija) u r-Rumanija (13.9 fil-mija) irreġistraw l-iżgħar persentaġġi.
  • Bi 15.6 fil-mija, il-proporzjon ta’ Malta huwa s-sitt l-inqas fost il-kontropartijiet tagħha fl-UE.
  • L-ogħla rata (58.6 fil-mija) tan-nefqa soċjali tal-UE kienet attribwita għal benefiċċji fi flus li ma kinux suġġetti għal test tal-mezzi.
  • Bejniethom, il-benefiċċji tax-xjuħija u tal-mard/kura tas-saħħa rrappreżentaw aktar minn żewġ terzi tan-nefqa soċjali tal-UE. L-akkomodazzjoni żammet l-aktar investiment baxx fil-livell ta’ 1.3 fil-mija.
  • L-infiq nett irrifletta 25.3 fil-mija tal-PDG tal-UE, li rriżulta fi 2.53 fil-mija tan-nefqa soċjali li qed tiġi rkuprata permezz ta’ taxxi jew kontribuzzjonijiet soċjali.
  • Kien hemm 272 persuna għal kull 1,000 resident tal-UE li rċeviet pensjoni sal-aħħar tal-2021. B’hekk kien hemm pensjonant aktar fuq is-sena ta’ qabel.
  • Mill-perspettiva tal-pajjiżi, is-Slovakkja rreġistrat l-akbar proporzjon bi 332 pensjonant għal kull 1,000 ruħ fil-popolazzjoni, 1.7 darbiet ogħla mill-inqas rata li kienet irrappurtata minn Ċipru (190 persuna għal kull 1,000 ruħ fil-popolazzjoni). Il-proporzjon korrispondenti ta’ Malta, li kien ta’ 192 persuna għal kull 1,000 ruħ fil-popolazzjoni, kklassifika lin-nazzjon fit-tieni l-inqas post.

Il-benefiċjarji tas-sigurtà soċjali bil-lokalità

  • Fl-2022, kien hemm 190,290 riċevitur tal-benefiċċji tas-sigurtà soċjali, li jammontaw għal 35.1 fil-mija tal-popolazzjoni ta’ Malta.
  • In-nisa rrappreżentaw sehem ogħla ta’ riċevituri, li kien ta’ 107,977 jew 56.7 fil-mija tat-total.
  • Minn perspettiva distrettwali, il-proporzjonijiet tal-benefiċjarji varjaw minn 43.0 fil-mija tar-residenti fin-Nofsinhar tal-Port sa 30.1 fil-mija ta’ dawk li joqogħdu fid-distrett tat-Tramuntana.
  • Aktar minn nofs il-popolazzjoni tal-Imdina (55.0 fil-mija) kienu qed jieħdu xi benefiċċju tas-sigurtà soċjali, l-ogħla rata fost it-68 Kunsill lokali. Min-naħa l-oħra, l-inqas proporzjon kien irreġistrat fis-Swieqi, fejn ftit aktar minn wieħed minn kull ħames residenti kienu qed jieħdu xi benefiċċju tas-sigurtà soċjali.
  • Il-benefiċċji tax-xjuħija kienu l-aktar irċevuti, bi 92,220 persuna jew 48.5 fil-mija tal-benefiċjarji kollha. Dawk li rċevew dan il-ħlas kienu jvarjaw minn 45.0 fil-mija tar-residenti fl-Imdina sa 8.9 fil-mija tal-persuni residenti f’San Pawl il-Baħar.
  • B’0.8 fil-mija tal-popolazzjoni ta’ Malta, il-benefiċċji tal-qgħad irreġistraw l-inqas persentaġġ ta’ benefiċjarji. Bormla (28 persuna għal kull 1,000 ruħ fil-popolazzjoni) irreġistrat l-akbar proporzjon bejn il-benefiċjarji u l-popolazzjoni. F’Ta’ Kerċem u Ħal Lija tħallsu 14-il darba l-inqas ammonti (it-tnejn b’żewġ persuni għal kull 1,000 ruħ fil-popolazzjoni).
  • Fl-2022, il-persuni li rċevew xi benefiċċju tal-familja laħqu it-52,482, li jiġu 9.7 fil-mija tal-popolazzjoni tal-pajjiż. Id-distrett tax-Xlokk kellu l-ogħla rata ta’ riċevuti bi 11.6 fil-mija tal-popolazzjoni, filwaqt li d-distrett tat-Tramuntana kellu l-inqas rata ta’ riċevituri b’7.7 fil-mija.
  • Minbarra l-benefiċċju tal-qgħad, Bormla rreġistrat ukoll l-ogħla rati ta’ riċevituri tal-benefiċċji tal-esklużjoni soċjali (214-il persuna għal kull 1,000 ruħ fil-popolazzjoni) u tal-mard (169 persuna għal kull 1,000 ruħ fil-popolazzjoni). Bl-istess mod, is-Swieqi rrapporta l-inqas proporzjonijiet għaż-żewġ tipi ta’ benefiċċji, bi 3.2 fil-mija u 2.3 fil-mija jieħdu benefiċċji tal-esklużjoni soċjali jew il-benefiċċji tal-mard, rispettivament.
  • Għal kull 1,000 persuna, 32 ruħ kienu qed jirċievu benefiċċju tar-romol matul l-2022. Ħal Luqa (82 persuna għal kull 1,000 ruħ fil-popolazzjoni) irreġistra l-akbar rata ta’ benefiċjarji, 2.5 darbiet ogħla mill-medja nazzjonali.
  • Fl-2022, il-benefiċjarji tad-diżabbiltà ammontaw għal 10,507 (1.9 fil-mija tal-popolazzjoni). Iż-Żejtun (40 persuna għal kull 1,000 ruħ fil-popolazzjoni) irrapporta l-ogħla rata ta’ benefiċjarji, filwaqt li l-inqas ammont kien irrappurtat fis-Swieqi (seba’ persuni għal kull 1,000 ruħ fil-popolazzjoni).
  • Bħala medja, il-benefiċjarji li joqogħdu fil-Gżejjer Maltin irċevew €5,957 fi dħul mill-benefiċċji.
New Kalkulatur tal-Inflazzjoni Kalendarju tal-Istqarrijiet tal-Aħbarijiet Talbiet għat-Tagħrif Mistoqsijiet dwar il-Kodiċi tan-NACE
Skip to content
NSO Malta
Privacy Overview

This website uses cookies so that we can provide you with the best user experience possible. Cookie information is stored in your browser and performs functions such as recognising you when you return to our website and helping our team to understand which sections of the website you find most interesting and useful.