Data Smackdown

Aqsam

Ħarsa Ħafifa

Malta ħadet sehem għall-ewwel darba fil-Kompetizzjoni Ewropea tal-Istatistika (ESC) fl-2024. Dan l-avveniment huwa kkoordinat mill-Eurostat, l-aġenzija tal-istatistika tal-Unjoni Ewropea, bl-għan ewlieni li jrawwem il-kurżità u l-interess fl-istudenti għall-qasam tal-istatistika. L-ESC hija mfassla apposta għall-istudenti fl-edukazzjoni sekondarja u sekondarja għolja, ta’ bejn l-14 u t-18-il sena, u tħeġġiġhom jikkompetu billi jsolvu l-isfidi statistiċi, ifittxu d-data, u jfasslu soluzzjonijiet analitiċi. L-istudenti se jinqasmu f’żewġ kategoriji: Kategorija A għal dawk fl-edukazzjoni sekondarja ogħla ta’ bejn is-16 u t-18-il sena u Kategorija B għal dawk fl-edukazzjoni sekondarja ta’ bejn l-14 u s-16-il sena.

Filwaqt li tibda fuq livell nazzjonali li mbagħad tgħaddi għall-istadju Ewropew, din il-kompetizzjoni tgħin lit-timijiet parteċipanti biex jaħdmu flimkien u jassessjaw l-għarfien teoretiku tagħhom. Dan iwassalhom ukoll biex irawmu l-apprezzament għad-data maħruġa minn sorsi tal-istatistika uffiċjali, filwaqt li jiksbu fehim aktar profond tas-siwi tal-istatistika għas-soċjetà.


Din il-kompetizzjoni qiegħda ssir fʼżewġ fażijiet:

  • Il-fażi nazzjonali: għal Malta dan huwa organizzat mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) u ġie msejjaħ Data Smackdown. Ir-rebbieħa ta’ din il-kompetizzjoni nazzjonali se jkollhom l-opportunità li jirrappreżentaw lil Malta fil-kompetizzjoni Ewropea tal-istatistika tal-2027, u jikkompetu flimkien mar-rebbieħa minn istituti nazzjonali oħra tal-istatistika madwar l-Ewropa.

  • Il-fażi Ewropea: organizzata mill-Eurostat: l-aqwa żewġ timijiet taż-żewġ kategoriji ta’ etajiet se jkunu jistgħu jipparteċipaw fil-fażi Ewropea.
ESC

L-għanijiet ġenerali tal-kompetizzjoni Ewropea tal-istatistika huma:

  • Li ġġib ’il quddiem il-kurżità u l-interess fl-istatistika fost l-istudenti.
  • Li tgħin lill-għalliema biex jużaw materjal ġdid fit-tagħlim tal-istatistika billi timbotta l-użu ta’ data reali u t-tiftix għal applikazzjonijiet ta’ għarfien statistiku miksub.
  • Biex turi lill-istudenti u l-għalliema l-funzjoni tal-istatistika f’diversi aspetti tas-soċjetà, u tagħmilha magħrufa bħala studju universitarju.
  • Li tippromovi x-xogħol f’tim u l-kollaborazzjoni biex jintlaħqu għanijiet komuni.
Pointing 50height

Il-parteċipazzjoni f’Data Smackdown tinqasam f’żewġ kategoriji:

  1. Kategorija A, li tinkludi studenti fl-ewwel u t-tieni sena tas-sekondarja għolja mweldin fis-snin 2009–2011 (bejn wieħed u ieħor ta’ 16-18-il sena), u
  2. Kategorija B, li tilqa’ studenti tal-iskola sekondarja mweldin fis-snin 2011-2013 (ta’ madwar 14-16-il sena).

L-istudenti jridu jkunu qed jistudjaw f’kulinkwa ċentru edukattiv rikonoxxut uffiċjalment f’Malta. Huma se jieħdu sehem f’timijiet ta’ minn student wieħed sa tlieta u l-membri kollha tat-tim għandhom ikunu mill-istess skola u kategorija. Kull tim għandu jkollu għalliem miċ-ċentru tiegħu li jagħmilha ta’ tutur tat-tim u li jissorvelja x-xogħol tiegħu.

M’hemmx limitu għan-numru ta’ parteċipanti / timijiet mill-istess ċentru u lanqas għat-timijiet immexxijin mill-istess tutur.

L-istudenti ma jistgħux ikunu parti minn iżjed minn tim wieħed.

Il-parteċipanti fil-kompetizzjoni Data Smackdown se jagħmlu żewġ testijiet eliminatorji. Huma biss dawk li jgħaddu miż-żewġ testijiet li se jkunu fost il-finalisti tal-kompetizzjoni.

L-ewwel test se jsir permezz ta’ formola online li hija magħmula minn tliet partijiet b’mistoqsijiet magħluqa. Dawn il-mistoqsijiet se jkollhom erba’ tweġibiet possibbli li minnhom waħda biss se tkun l-għażla t-tajba.

It-tieni test se jkun fih preżentazzjoni magħmula f’format pdf, li jeħtieġ tintbagħat bil-mod stabbilit minn hawn ’il quddiem.

Mhux se jkun meħtieġ li wieħed jivvjaġġa xi mkien biex jagħmel xi wieħed miż-żewġ testijiet.

L-ewwel test:

L-ewwel test se jkun fih tliet partijiet:

a. Test tal-għarfien bażiku

L-għan huwa li jitwieġbu 10 mistoqsijiet dwar il-fehim tal-kunċetti bażiċi tal-istatistika, l-interpretazzjoni tal-graffs, il-probabbiltajiet bażiċi eċċ.

Se titħejja ġabra ta’ mistoqsijiet b’livell differenti ta’ diffikultà għal kull kategorija.

b. Test tal-użu tas-sorsi uffiċjali tad-data tal-istatistika

L-għan huwa li jitwieġbu 10 mistoqsijiet dwar data varjata tal-istatistika. Dan ikun jeħtieġ navigazzjoni fis-sit elettroniku tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika.

ċ. Test dwar it-tifsir tar-rapporti tal-istatistika

L-għan huwa li jitwieġbu 10 mistoqsijiet dwar il-pubblikazzjoni tal-Eurostat “Demography of Europe, 2026 edition.” Din il-pubblikazzjoni se tkun disponibbli bl-Ingliż.

It-tieni test:

Produzzjoni ta’ riċerka tal-istatistika

F’din il-biċċa xogħol, it-timijiet għandhom iħejju stqarrija tal-aħbarijiet billi jużaw sett taʼ data fl-Excel, li se jkun iffaċilitat mill-NSO. Is-sett taʼ data se jkun komprensiv u se jippermetti l-istħarriġ ta’ aspetti differenti ta’ informazzjoni skont l-għażla tal-parteċipanti.

Ir-riżultati ta’ din il-biċċa xogħol se jkunu ppreżentati f’dokument PDF li jinkludi t-taqsimiet li ġejjin:

  • L-Isem.
  • Il-Headline.
  • Kummentarju li jfiehem ir-riżultati li joħorġu mill-analiżi tas-sett taʼ data.
  • It-Tabelli, il-graffs u viżwalizzazzjonijiet oħra.
  • Il-Konklużjoni.
  • It-Taqsima tal-metodoloġija: l-għodod użati, it-teknika tal-analiżi tal-informazzjoni, eċċ.

Fil-bidu tal-istqarrija tal-aħbarijiet se tiddaħħal paġna li turi l-isem tat-tim, l-iskola, il-lokalità, u l-kategorija li fiha jkun qed jieħu sehem it-tim. Biex ikun żgurat li t-timijiet kollha jkollhom l-istess wisaʼ biex jippreżentaw xogħolhom, is-sottomissjonijiet m’għandhomx ikunu itwal minn tmien paġni A4, inkluża l-paġna tal-bidu bit-tagħrif dwar it-tim, iċ-ċarts, it-tabelli, in-noti tal-metodoloġija u r-riferenzi. Jekk jogħġbok, uża tipa Arial ta’ 11-il punt għat-test ewlieni, tipa grassa ta’ 12-il punt għat-titli, spazjar tal-linja ta’ 1.15, u marġni ta’ 2.5 ċm. Iċ-ċarts m’għandhomx ikunu usa’ minn 15-il ċm b’għoli ta’ 8 ċm, b’tikketti ta’ mill-inqas 11-il punt. Jekk jogħġbok, tnaqqasx id-daqs jew il-marġnijiet tat-tipa biex tqiegħed kontenut addizzjonali fil-limitu tal-paġna.

Id-dokument PDF għat-tieni biċċa xogħol m’għandux jaqbeż it-tmien paġni b’kollox (inkluża l-paġna tal-bidu bit-tagħrif dwar it-tim). Għandu jkollu wkoll sa massimu taʼ erbaʼ ċarts u mhux aktar minn erbaʼ tabelli. Tali pdf se jissemma bl-isem eżatt tat-tim, u se jittella’ fuq il-pjattaforma fi żmien l-iskadenza.

Bħala parti mill-kompetizzjoni, l-istudenti jistgħu jintalbu jippreżentaw is-sejbiet irrappurtati fl-artiklu tal-aħbarijiet quddiem panel ta’ ġurati.

Il-ġurija se tevalwa biss il-partijiet tal-fajl pdf li jistgħu jkunu pprintjati. Elementi bħall-ħoloq għal kontenuti esterni, videos inkorporati u ħwejjeġ simili mhux se jitqiesu bħala parti mix-xogħol u għalhekk mhux se jgħoddu għall-assessjar.

L-analiżi se tkun limitata għas-sett ta’ data speċifiku; l-ebda xogħol mhu se jkun aċċettat jekk isiru analiżi u użu ta’ databases differenti u lanqas dawk li fihom ikun hemm żieda ta’ informazzjoni kumplimentari. M’hemm l-ebda restrizzjoni fuq is-softwer użat għat-tħaddim tad-database.

Nota: It-timijiet jistgħu jużaw għodod tal-IA biss biex jiċċekkjaw jew itejbu l-grammatika, l-ortografija u ċ-ċarezza tat-test li jkunu kitbu. L-għodod tal-IA m’għandhomx jintużaw biex issir l-analiżi, ikunu mfissrin ir-riżultati, ikunu ġġenerati r-riżultati jew il-konklużjonijiet, jew jinkitbu partijiet kbar tas-sottomissjoni. Kull tim huwa responsabbli għall-preċiżjoni u l-oriġinalità ta’ ħidmietu u għandu jkun kapaċi jfiehem kif ikun wasal għar-riżultati tiegħu. Timijiet li jinstabu li jkunu użaw l-IA bi ksur ta’ dawn ir-regoli se jiġu skwalifikati.

L-ewwel test

Kull wieħed mit-tliet partijiet tal-ewwel test se jkun assessjat f’termini ta’ suċċess u falliment, filwaqt li jitqies li tweġiba tajba ġġorr magħha punt, tweġiba ħażina tnaqqas 0.33 ta’ punt u mistoqsija mingħajr tweġiba ma ġġorr l-ebda punt. Il-grad massimu għal kull wieħed mit-tliet testijiet se jkun ta’ 10 punti.

Ir-riżultat tal-ewwel biċċa xogħol jinkiseb billi tinħadem il-medja aritmetika, imqarrba sa punt deċimali wieħed, tal-punteġġi miksuba f’kull wieħed mit-tliet testijiet, u r-riżultat ikun immultiplikat b’10, sabiex il-punteġġ finali għal din il-biċċa xogħol ikun ta’ massimu ta’ 100 punt. Il-klassifika tat-timijiet parteċipanti kollha se tinħadem hekk. Mill-inqas nofs it-timijiet se jkunu maqlugħa wara l-ewwel biċċa xogħol.

Il-punti miksuba fl-ewwel biċċa xogħol se jintużaw biex jikkwalifikaw lit-timijiet għat-tieni biċċa xogħol. Barra minn hekk, il-punteġġ fl-ewwel biċċa xogħol ikun inkluż fil-kalkolu tal-grad finali b’piż ta’ 25%.

L-assessjar tat-tliet partijiet u l-kalkolu tal-punteġġ finali għall-ewwel test se jsiru awtomatikament minn programm.

Dawk it-timijiet li jgħaddu mill-ewwel test se jingħataw diploma.

It-tieni test

L-aspetti li ġejjin se jitqiesu meta jiġi assessjat il-fajl pdf tat-tieni test:


  • Il-preżentazzjoni tar-riżultat (20%)
    • Ir-riżultat huwa strutturat f’partijiet differenzjati sewwa
    • Il-preżentazzjoni hija ċara u li tista’ tinqara bla tbatija
    • Hemm referenzi għal sorsi/biblijografija
  • Għanijiet (20%)
    • Ir-riżultat għandu għan ċar
    • Hemm għanijiet sekondarji definiti sewwa
    • L-interess fl-istudju tal-għanijiet proposti huwa argumentat
    • Id-data analizzata hija xierqa biex ikunu studjati l-għanijiet stabbiliti
  • L-analiżi tal-informazzjoni (40%)
    • Hemm bilanċ tajjeb fost it-tabelli, il-graffs u l-indikaturi tat-tendenza ċentrali
    • It-tabelli u l-graffs għandhom kummenti sabiex tkun enfasizzata l-aktar informazzjoni relevanti
    • Il-graffs huma xierqa u jgħinu biex tintlaħaq u tkun sostnuta l-konklużjoni
    • Ir-raġunijiet għall-użu ta’ kull indikatur tal-istatistika huma mfissra
    • L-analiżi mwettqa hija f’konformità mal-livell edukattiv tat-tim
  • Konklużjonijiet (20%)
    • Hemm konklużjoni waħda għal kull għan u konklużjoni ġenerali wkoll
    • Hemm twissijiet dwar il-limitazzjoni tal-konklużjonijiet tal-analiżi (jekk dawn il-limitazzjonijiet jeżistu)

Il-ġurija se tagħżel l-aħjar ħames xogħlijiet f’kull kategorija u tassessjahom b’massimu ta’ 100 punt. Il-punteġġ għat-tieni biċċa xogħol se jkun inkluż fil-kalkolu tal-grad finali b’piż ta’ 75%.

Il-Punteġġ finali
Il-punteġġ finali għaż-żewġ testijiet għal kull kategorija jinkiseb bħala l-medja ponderata, b’massimu ta’ tliet punti deċimali, tal-punteġġi miksubin fl-ewwel u t-tieni test, bil-formula li ġejja:



Punteġġ finali = 0.25 * tal-punteġġ tal-1el test + 0.75 * tal-punteġġ tat-2ni test.


It-tim rebbieħ huwa dak li jikseb l-ogħla punteġġ finali. Iż-żewġ timijiet l-oħra minn kull kategorija se jitqiesu finalisti tal-kategoriji rispettivi tagħhom.


Il-Ġurija

Il-ġurija għall-fażi nazzjonali se tkun magħmula minn erba’ persuni, tlieta mill-NSO u waħda mill-Università ta’ Malta.

Id-deċiżjoni tal-ġurija hija finali.

Il-Komunikazzjoni tad-deċiżjoni tal-ġurija u ċ-ċerimonja tal-għoti tal-premjijiet

Id-deċiżjoni tal-ġurija titħabbar lir-rebbieħ u lill-finalisti b’email u tkun ippubblikata f’https://nso.gov.mt fid-data msemmija mill-NSO. Se ssir ċerimonja tal-għoti tal-premjijiet li fiha l-iskejjel parteċipanti, it-tuturi tat-tim rebbieħ u t-timijiet rebbieħa jingħataw il-premjijiet.

Il-Pubblikazzjoni tal-Preżentazzjonijiet

Il-preżentazzjonijiet rebbieħa tat-tieni test jitħabbru fuq is-sit elettroniku tal-NSO, u juru l-ismijiet tat-timijiet, l-iskola li jkunu ġejjin minnha u l-kategorija tagħhom. Il-parteċipanti se jaċċettaw dawn ir-regoli u jippermettu l-pubblikazzjoni tax-xogħlijiet tagħhom. Il-materjali kollha ppreżentati fil-fażi nazzjonali tal-kompetizzjoni se jkunu proprjetà tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika ta’ Malta, u għalhekk, se jinżammu minnu. Dawn mhumiex se jingħataw lura lill-istudenti.

Il-Fażi Ewropea tal-Kompetizzjoni Ewropea tal-Istatistika 2027 

It-tim rebbieħ u l-finalisti bl-ogħla grad ta’ kull kategorija se jkunu eliġibbli biex jieħdu sehem fil-fażi Ewropea tal-kompetizzjoni Ewropea tal-Istatistika. L-organizzazzjoni tal-fażi nazzjonali se tikkuntattja lit-timijiet fi żmien xieraq biex tgħarrafhom dwar il-fażi Ewropea.

Għal dan il-għan, il-ġurija se tħejji lista b’mhux aktar minn tliet timijiet għal kull kategorija magħżula skont l-ogħla grad miksub fil-fażi nazzjonali. L-ewwel tim fil-lista se jkun ir-rebbieħ, segwit miż-żewġ finalisti. F’każ li t-timijiet imressqin ma jkunux jistgħu jattendu jew jirrifjutaw li jipparteċipaw fil-fażi Ewropea, il-ġurija tikkuntattja lit-tim li jkun imissu fil-lista msemmija hawn fuq.

Aktar tagħrif u regoli applikabbli għall-fażi Ewropea tal-kompetizzjoni Ewropea tal-Istatistika jinsabu fis-sit elettroniku ddedikat.

Is-suġġett tal-vidjow jitħabbar aktar tard.

Iż-Żamma tad-drittijiet

L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika jżomm id-dritt li jibdel it-termini u l-kundizzjonijiet tal-fażi nazzjonali tal-ESC, speċjalment id-dati mħabbrin fil-kalendarju, jew saħansitra t-tħassir possibbli tiegħu, kull meta jkun hemm raġuni ġustifikata. Dan it-tibdil isir pubbliku fuq https://nso.gov.mt.

L-Aċċettazzjoni tar-regoli tal-fażi nazzjonali tal-ESC

Il-parteċipazzjoni fil-fażi nazzjonali tal-Kompetizzjoni Ewropea tal-Istatistika (ESC) tassumi l-aċċettazzjoni taʼ dawn ir-regoli kollha.

Il-Premjijiet

It-timijiet rebbieħa tad-Data Smackdown, wieħed mill-Kategorija A u wieħed mill-Kategorija B, se jirċievu l-premjijiet li ġejjin:

  • Għall-iskejjel u t-tuturi kollha li jieħdu sehem

Premju għall-parteċipazzjoni.

  • Għall-iskola tat-tim rebbieħ 

Trofew.

  • Għat-tuturi tat-timijiet rebbieħa

Jingħataw vawċers tal-flus, kif ġej: €300 għall-ewwel post, €175 għat-tieni post u €100 għat-tielet post.

Fil-każ taʼ żewġ timijiet rebbieħa, li jkollhom l-istess tutur, dan tal-aħħar jieħu biss premju wieħed.

  • Għal kull student tat-tim rebbieħ 

Trofew u materjal promozzjonali.

Jingħataw vawċers tal-flus, kif ġej: €300 għall-ewwel post, €175 għat-tieni post u €100 għat-tielet post.

Awards Section 500height

Ir-Reġistrazzjoni

It-tuturi ta‘ timijiet li jixtiequ jieħdu sehem fil-Kompetizzjoni tal-NSO Data Smackdown għandhom jiktbu lit-timijiet online billi jagħfsu l-buttuna ‘Irreġistra Issa!’. Ir-reġistrazzjoni għandha tinkludi l-informazzjoni kollha mitluba fil-formula.

Il-parteċipanti jistgħu jibagħtu l-mistoqsijiet tagħhom b‘ittra elettronika lil [email protected].

Ir-reġistrazzjoni tagħlaq nhar it-22 ta‘ Novembru 2026.

 

Il-Kalendarju

Mill-01 taʼ Ottubru sat-22 taʼ Novembru 2026

Reġistrazzjoni

Perjodu tar-reġistrazzjoni

Mill-01 taʼ Ottubru sat-22 taʼ Novembru 2026

Mit-23 ta’ Novembru sad-09 ta’ Diċembru 2026

L-ewwel test

Perjodu għall-ewwel test

Mit-23 ta’ Novembru sad-09 ta’ Diċembru 2026

11 ta’ Diċembru 2026

Riżultati tal-ewwel test

Ħruġ u tħabbir tar-riżultati tal-ewwel test 

11 ta’ Diċembru 2026

Mill-14 ta’ Diċembru 2026 sat-12 ta’ Frar 2027

It-tieni test

Sottomissjoni tat-tieni test

Mill-14 ta’ Diċembru 2026 sat-12 ta’ Frar 2027

15 ta’ Marzu 2027

Rebbieħa

Tħabbir tat-timijiet rebbieħa

15 ta’ Marzu 2027

Nofs April 2027

Premjijiet

Ċerimonja tal-premjazzjoni

Nofs April 2027

05 ta’ Mejju 2027

Sottomissjonijiet Ewropej

Għeluq iż-żmien biex ir-rebbieħa jibagħtu l-vidjow lill-Eurostat

05 ta’ Mejju 2027

Bidu ta’ Ġunju 2027

Fażi Ewropea

Tħabbir tal-aħjar 24 vidjow

Bidu ta’ Ġunju 2027

22-24 ta’ Ġunju 2027

Premjijiet Ewropej

Ċerimonja tal-premjazzjoni tal-fażi Ewropea

22-24 ta’ Ġunju 2027

- Edizzjonijiet tal-passat -

Kofinanzjat mill-Unjoni Ewropea. Il-fehmiet u l-opinjonijiet murijin huma madankollu dawk tal-awtur(i) biss u mhux bilfors jirriflettu dawk tal-Unjoni Ewropea jew tal-Kummissjoni Ewropea.

La l-Unjoni Ewropea u lanqas l-awtorità li tagħti l-għotja ma jistgħu jinżammu responsabbli għalihom.

Skip to content