Home » L-EU-SILC 2022: Indikaturi Ewlenin
Daħla
L-Istħarriġ tal-Istatistika Ewropea dwar id-Dħul u l-Kundizzjonijiet tal-Għajxien (EU-SILC) huwa stħarriġ li jsir kull sena mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) fost persuni li jgħixu fi djar privati f’Malta u Għawdex. L-istatistika dwar id-dħul tirreferi għas-sena ta’ riferenza 2021, filwaqt li l-komponenti li mhumiex tad-dħul (bħat-tiċħid materjali) jirreferu għall-2022, li hija s-sena taʼ meta nġabar dan it-tagħrif.
Id-dħul gross medju tal-familji għall-2021 kif maħruġ mill-EU-SILC 2022, huwa stmat li kien ilaħħaq it-€43,186, filwaqt li d-dħul disponibbli medju tal-familji kien stmat għal €34,814 (Tabella nru 4).
Fl-2022, ir-rata tat-tiċħid materjali u soċjali sever (SMSD) fost il-persuni li jgħixu fil-familja kienet ta’ 4.9 fil-mija. Din iċ-ċifra hija 0.5 punti perċentwali inqas minn dik stmata mill-EU-SILC tas-sena taʼ qabel. Hawnhekk, l-aktar fatturi li nħassu kienu: l-inabbiltà tal-familji li jħallsu għal btala ta’ ġimgħa fis-sena ‘l bogħod mid-dar (33.3 fil-mija), l-inabbiltà tal-familji li jbiddlu għamara mkagħbra, kif ukoll l-inabbiltà tagħhom li jiffaċċjaw spejjeż finanzjarji mhux mistennija (15.4 fil-mija) (Tabella nru 9).
B’20.1 fil-mija, ir-rata tar-riskju tal-faqar jew tal-esklużjoni soċjali (AROPE) naqset b’0.2 punti perċentwali meta mqabbla ma’ dik maħruġa mill-EU-SILC tas-sena taʼ qabel. L-AROPE tiżvela s-sehem ta’ persuni li jew huma f’riskju ta’ faqar, jew li huma mċaħħda materjalment u soċjalment b’mod sever, jew li joqogħdu f’familja b’intensità baxxa ta’ xogħol (applikabbli biss għal persuni ta’ bejn 0 u l-64 sena) (Tabella nru 1).
L-Indikatur tar-riskju tal-faqar jew tal-esklużjoni soċjali
Ir-rata tar-riskju tal-faqar jew tal-esklużjoni soċjali (AROPE) tiddefinixxi l-proporzjon/l-għadd ta’ persuni li huma f’riskju ta’ faqar jew li huma serjament imċaħħda materjalment u soċjalment jew li jgħixu f’familji b’intensità baxxa ħafna ta’ xogħol. Fl-EU-SILC 2022, ir-rata tar-riskju ta’ faqar jew ta’ esklużjoni soċjali (AROPE) ġiet stmata għal 20.1 fil-mija, u rreġistrat tnaqqis ta’ 0.2 punti perċentwali mill-2021. Jista’ jiġi nnutat tnaqqis fil-grupp ta’ taħt it-18-il sena u fil-grupp ta’ bejn it-18 u l-64 sena, bl-akbar tnaqqis ikun esperjenzat fost persuni ta’ bejn it-18 u l-64 sena, b’1.5 punti perċentwali. B’hekk, ir-rata tar-riskju ta’ faqar jew ta’ esklużjoni soċjali tilħaq ir-rata ta’ 15.5 fil-mija ghal dan il-koorti. Min-naħa l-oħra, wieħed jista’ jinnota żieda fost persuni li għandhom 65 sena jew aktar, bi 3.4 punti perċentwali, u b’hekk tintlaħaq rata ta’ 33.3 fil-mija għal dan il-koorti (Tabella nru 1).
Age group | Sex | 2021 | 2022 | |
% | % | Number of persons below the threshold |
||
All ages | Males | 18.9 | 18.9 | 50,357 |
Females | 21.9 | 21.3 | 52,476 | |
Total | 20.3 | 20.1 | 102,834 | |
Under 18 | Total | 23.2 | 23.1 | 19,489 |
18-64 | Males | 15.7 | 14.9 | 26,499 |
Females | 18.4 | 16.3 | 25,259 | |
Total | 17.0 | 15.5 | 51,758 | |
65 and over | Males | 27.3 | 29.8 | 13,353 |
Females | 32.3 | 36.5 | 18,233 | |
Total | 29.9 | 33.3 | 31,586 |
Ir-rata ta’ riskju ta’ faqar (ARP) fost persuni taħt it-18-il sena ġiet ikkalkulata għal 19.3 fil-mija, tnaqqis ta’ 0.3 punti perċentwali mis-sena ta’ qabel. Ġie osservat tnaqqis ta’ 0.8 punti perċentwali għal persuni ta’ bejn it-18 u l-64 sena, fejn wieħed isib li r-rata tal-ARP għal dan il-koorti ta’ età kienet ta’ 12.3 fil-mija fl-2022. Ir-rata għal dawk li għandhom 65 sena jew aktar telgħet għal 30.0 fil-mija, ekwivalenti għal żieda ta’ 1.9 punti perċentwali fuq l-EU-SILC 2021 (Tabella nru 2).
Age group | Sex | 2021 | 2022 | |
% | % | Number of persons below the threshold |
||
All ages | Males | 15.8 | 15.8 | 42,153 |
Females | 18.0 | 17.8 | 43,644 | |
Total | 16.9 | 16.7 | 85,797 | |
Under 18 | Total | 19.6 | 19.3 | 16,224 |
18-64 | Males | 12.3 | 12.2 | 21,710 |
Females | 14.0 | 12.5 | 19,434 | |
Total | 13.1 | 12.3 | 41,144 | |
65 and over | Males | 25.9 | 26.8 | 12,030 |
Females | 30.1 | 32.8 | 16,400 | |
Total | 28.1 | 30.0 | 28,429 |
Id-dħul tal-familji
Għas-sena li tirreferi għad-dħul fl-2021, id-dħul gross medju tal-familji kien stmat li jlaħħaq it-€43,186. Min-naħa l-oħra, l-istima tad-dħul disponibbli medju tal-familji kienet ta’ €34,814. Id-dħul disponibbli huwa mfisser bħala l-ammont ta’ flus fil-but tal-familji, wara li jkunu tnaqqsu t-taxxi, il-kontribuzzjonijiet soċjali u l-allemonji (Tabella nru 4).
Id-dħul mix-xogħol kien ilaħħaq 81.0 fil-mija tad-dħul gross kollu tal-familji, fis-sena 2021. Is-sehem tal-benefiċċji soċjali (inklużi l-benefiċċji tax-xjuħija), min-naħa l-oħra, kien jammonta għal 15.5 fil-mija tad-dħul gross kollu tal-familji. (Ċart nru 1).
No Data Found
It-tqassim tad–Dħul Ekwivalizzat Nazzjonali (NEI)
Il-NEI ta’ familja huwa mfisser bħala d-dħul disponibbli kollu tal-familja li jinqasam bid-“daqs ekwivalenti” tagħha (imsejjaħ ukoll unitajiet ta’ konsum). In-NEI iqis id-daqs u t-tqassim tal-età tal-membri tal-familja. Il-ko-effiċjent Gini huwa wieħed mill-kejlijiet tal-inugwaljanza fid-dħul li jvarja bejn 0 u 100 fil-mija. Ko-effiċjent Gini ta’ 0 fil-mija juri tqassim għalkollox ugwali tad-dħul. Min-naħa l-oħra, ko-effiċjent Gini ta’ 100 fil-mija juri li hemm inugwaljanza sħiħa fid-dħul.
Il-proporzjon S80/S20, li jqabbel il-medja tad-Dħul Ekwivalizzat Nazzjonali (NEI) tal-ogħla u l-inqas 20 fil-mija ta’ dawk li kellhom dħul, ġie kkalkulat għal 4.8 (Tabella nru 4).
Il-ko-effiċjent Gini għal Malta, kif maħruġ mill-EU-SILC 2022, naqas b’0.1 punti perċentwali għal 31.1 fil-mija, meta mqabbel mas-sena ta’ qabel (Tabella nru 4).
In-nuqqas taʼ flus (ARP)
Il-limitu tar-riskju ta’ faqar (ARPT) huwa definit bħala 60 fil-mija tad-Dħul Ekwivalizzat Nazzjonali (NEI) medjan. Dawk li wieġbu għall-EU-SILC u li n-NEI tagħhom jaqa’ taħt dan il-limitu jitqiesu li huma f’riskju ta’ faqar (ARP).
L-ARPT maħruġ mill-EU-SILC 2022 ġie stmat għal €10,893, li huwa 6.6 fil-mija ogħla meta mqabbel mas-sena ta’ qabel (Tabella nru 4).
Fuq il-bażi tas-sena tad-dħul 2021, l-għadd ta’ persuni f’riskju ta’ faqar li jgħixu f’Malta kien stmat għal 85,797 jew 16.7 fil-mija tal-popolazzjoni mistħarrġa (Tabella nru 4).
Ċart nru 2, tipprovdi paragun bejn l-indiċijiet tat-tkabbir tal-limitu tar-riskju tal-faqar (ARPT), ir-rata tar-riskju tal-faqar (ARP) (Tabella nru 2) u r-rata tar-riskju tal-faqar jew tal-esklużjoni soċjali (AROPE) (Tabella nru 1).
(EU-SILC 2015 = 100)
No Data Found
Jekk wieħed jeskludi t-trasferimenti soċjali kollha inklużi l-pensjonijiet, ir-rata ta’ riskju ta’ faqar fl-2022, tiżdied bi 18.4 punti perċentwali, jew 94,368 persuna (Tabella nru 5). Dawn ir-riżultati juru l-importanza tal-benesseri soċjali fl-assistenza lill-persuni l-aktar vulnerabbli f’soċjetà.
Ir-rati tar-riskju tal-faqar (ARP) għall-familji bi tfal dipendenti u mingħajr tfal dipendenti ġew ikkalkulati bħala 15.3 u 18.1 fil-mija, rispettivament (Tabella nru 6). Il-membri ta’ familji b’ġenitur wieħed ġew innotati li huma għandhom aktar ċans li jkunu f’riskju ta’ faqar, bi 43.3 fil-mija ta’ tali persuni individwali jkollhom dħul disponibbli ekwivalizzat taħt il-limitu tar-riskju ta’ faqar (ARPT). Il-membri ta’ unità domestika ta’ persuna waħda b’età ta’ 65 sena jew aktar, u membri ta’ unitajiet domestiċi b’żewġ adulti, u tliet tfal dipendenti jew aktar, huma wkoll aktar fiċ-ċans li jkunu f’riskju ta’ faqar (Tabella nru 6).
Ir-rata ta’ riskju ta’ faqar (ARP) fost persuni li jgħixu f’familji b’mill-inqas membru wieħed ta’ età 0–64, naqset hekk kif l-intensità tax-xogħol tal-familji żdiedet (irreferi għan-nota metodoloġika 4). Fil-fatt, 73.3 fil-mija tal-persuni li jgħixu f’familji b’intensità tax-xogħol baxxa ħafna nstabu li kienu f’riskju ta’ faqar fl-EU-SILC 2022 (Tabella nru 7).
Ġiet irreġistrata żieda fir-rati ta’ riskju ta’ faqar għall-persuni rtirati u persuni inattivi oħra għas-sena ta’ riferenza (irreferi għan-nota metodoloġika 4) meta mqabblin mal-istħarriġ ta’ qabel. Min-naħa l-oħra, kien hemm tnaqqis fir-rata ta’ riskju ta’ faqar għal dawk impjegati, filwaqt li r-rata għal dawk qegħdin baqgħet l-istess bħal dik fis-sena ta’ qabel (Tabella nru 8).
F’livell distrettwali, id-distribuzzjoni ta’ persuni taħt il-limitu tal-ARP kienet irregolari madwar il-Gżejjer Maltin, bid-distrett tat-Tramuntana tal-Port ikollu l-akbar sehem ta’ persuni f’riskju ta’ faqar segwit mid-distrett tat-Tramuntana. Min-naħa l-oħra, id-distrett tax-Xlokk irreġistra l-aktar rata baxxa ta’ nies f’riskju ta’ faqar (Mappa nru 1).
L-Indikaturi tat-Tiċħid Materjali u Soċjali
L-indikaturi tat-tiċħid materjali u soċjali huma msejsa fuq 13-il fattur, li sebgħa minnhom għandhom x’jaqsmu mal-familja tal-persuna u s-sitta l-oħra huma relatati mal-persuni nfushom. Din il-lista ta’ komponenti ġiet adottata mill-Istati Membri tal-UE fl-2017 (irreferi għan-nota metodoloġika 5). Minn dan is-sett ta’ komponenti, jinkisbu żewġ indikaturi ewlenin, jiġifieri, l-indikatur tat-Tiċħid Materjali u Soċjali (MSD) u l-indikatur tat-Tiċħid Materjali u Soċjali Sever (SMSD).
Meta mqabblin mas-sena ta’ qabel, dawk li wieġbu li l-familja tagħhom ma kinitx taffordja ikla b’laħam, tiġieġ, ħut jew ekwivalenti veġetarjan kull jumejn; dawk li qalu li sabuha diffiċli li jipparteċipaw regolarment f’attività ta’ divertiment; u dawk li sabuha diffiċli jonfqu ammont żgħir ta’ flus kull ġimgħa fuqhom infushom, kellhom l-ogħla żidied fl-għedud tagħhom fis-sena 2022 (Ċart nru 3A u Ċart nru 3B).
Ċart nru 3a. Ir-rati tat-tiċħid materjali u soċjali fost il-familji li wieġbu għall-istħarriġ