Iċ-Ċifri tal-Finanzi tal-Gvern: Jannar-Diċembru 2024

- Sa tmiem Diċembru 2024, il-Fond Konsolidat tal-Gvern irreġistra defiċit taʼ €432.7 miljun.
- Meta mqabblin mas-sena taʼ qabel, id-dħul rikorrenti u n-nefqa sħiħa żdiedu bʼ€1,446.6 miljun u bʼ€1,073.4 miljun, rispettivament. Iż-żieda fid-dħul rikorrenti kienet akbar minn dik fin-nefqa biex bʼhekk kien hemm bidla pożittiva taʼ €373.2 miljun fil-Fond Konsolidat tal-Gvern.
- L-akbar żieda fid-dħul ġiet mit-Taxxa tad-Dħul (€957.0 miljun), filwaqt li l-Programmi u Inizjattivi (€525.5 miljun) irrappurtaw l-akbar żieda fost il-kategoriji tan-nefqa.
- Sa tmiem Diċembru 2024, id-Dejn kollu tal-Gvern Ċentrali kien jgħodd €10,467.6 miljun, €727.7 miljun aktar mill-istess xahar fl-2023.
Iċ-Ċifri tal-Finanzi tal-Gvern: Jannar-Diċembru 2024
Iċ-Ċifri tal-Finanzi tal-Gvern: Jannar-Diċembru 2024

Bejn Jannar u Diċembru 2024, id-Dħul Rikorrenti laħaq €7,859.6 miljun, €1,446.6 miljun aktar minn dak irrappurtat sena qabel. L-akbar żidiet kienu rreġistrati fit-Taxxa tad-Dħul (€957.0 miljun), fit-Taxxa fuq il-Valur Miżjud (€182.4 miljun) u fis-Sigurtà Soċjali (€154.2 miljun). Min-naħa l-oħra, it-tnaqqisiet ewlenin kienu rrappurtati mid-Dħul Mixxellanju (€7.9 miljuni), minn Bejgħ Ieħor (€1.2 miljun) u minn Bejgħ taʼ Oġġetti (€0.2 miljuni).
Sa tmiem Diċembru 2024, in-nefqa totali laħqet €8,292.3 miljun, li hija €1,073.4 miljun aktar mis-sena ta’ qabel.
Fl-2024, in-Nefqa Rikorrenti kienet ta’ €6,890.3 miljun, li hija żieda taʼ €883.8 miljun meta mqabbla mas-€6,006.5 miljuni li kienet irrappurtata fis-sena taʼ qabel. Iż-żieda taʼ €525.5 miljun fil-Programmi u Inizjattivi kellha l-akbar sehem fʼdin iż-żieda. Aktar żidiet kienu rreġistrati fis-Salarji u Pagi (€215.6-il miljun), fil-Kontribuzzjonijiet lill-Entitajiet tal-Gvern (€89.6 miljun) u fl-Ispiża tal-Operat (€53.1 miljun). L-iżviluppi ewliena fil-kategorija tal-Programmi u Inizjattivi kienu nefqiet akbar fuq il-Benefiċċji tas-Sigurtà Soċjali (€167.8 miljun), l-Għajnuna għar-ristrutturar tal-linja nazzjonali tal-ajru (€105.9 miljuni) u r-Riżorsi tal-UE (€68.4 miljun).
L-imgħax fuq id-dejn pubbliku laħaq il-€261.4 miljun, żieda ta’ €47.2 miljun meta mqabbel ma’ sena qabel.
Minn Jannar sa Diċembru 2024, in-nefqa kapitali tal-Gvern laħqet l-€1,140.6 miljun, li hija €142.5 miljun aktar fuq l-2023. Din iż-żieda kienet ġejja minn nefqiet akbar fuq l-Infrastruttura tal-enerġija (€125.0 miljun), il-Programm ta’ investiment infrastutturali (€65.1 miljun) u Proprjetà, Impjant u Tagħmir (€30.4 miljun). Iż-żieda fil-kapital kienet, sa ċertu punt, impattija bil-klassifikazzjoni mill-ġdid tal-Għajnuna għar-ristrutturar tal-linja nazzjonali tal-ajru (€40.5 miljun), li kienet dehret fin-nefqa kapitali fl-2023, iżda llum hija kklassifikata fil-kategorija tal-Programmi u Inizjattivi. Kien hemm ukoll infiq inqas fuq il-Kontribuzzjonijiet għall-proġetti kapitali (€27.0 miljun) u l-Inċentivi għall-Investiment (€18.9-il miljun).
Id-differenza bejn id-dħul u l-infiq totali wriet defiċit ta’ €432.7 miljun fil-Fond Konsolidat tal-Gvern fi tmiem Diċembru 2024. Meta mqabbel mal-2023, kien hemm tnaqqis ta’ €373.2 miljun mid-defiċit ta’ €805.9 miljuni taʼ sena qabel. Din id-differenza tirrifletti żieda fid-Dħul Rikorrenti totali (€1,446.6 miljun), li min-naħa l-oħra, kienet impattija minn żidiet fin-nefqa totali magħmula min-Nefqa Rikorrenti (€883.8 miljun), mill-Imgħax (€47.2 miljun) u min-Nefqa Kapitali (€142.5 miljun) (Tabella nru 1).
Fl-aħħar taʼ Diċembru 2024, id-dejn tal-Gvern Ċentrali laħaq l-€10,467.6 miljun, żieda taʼ €727.7 miljun meta mqabbel mal-2023. Iż-żieda rreġistrata fl-Istokks tal-Gvern taʼ Malta (€791.9 miljun) kienet il-kontribut ewlieni għaż-żieda fid-dejn. Aktar dejn kien irreġistrat ukoll fil-Kambjali tat-Teżor (€23.2 miljun) u fil-ħruġ tal-muniti tal-ewro fʼisem it-Teżor (€4.0 miljuni). Fid-direzzjoni opposta, kien hemm tnaqqis fl-Istokks taʼ Tifdil 62+ tal-Gvern taʼ Malta (€25.8 miljun) u fid-Dejn Barrani (€0.1 miljun). Fl-aħħar, investimenti akbar minn fondi tal-gvern fl-Istokks tal-Gvern ta’ Malta wasslu għal tnaqqis ta’ €65.4 miljun fid-dejn (Tabella nru 6).
Ċart nru 1. Is-surplus/id-defiċit fil-Fond Konsolidat: Jannar-Diċembru bis-sena
fʼmiljuni tal-ewro
No Data Found
Ċart nru 2. Id-dħul rikorrenti maqsum bil-kategoriji ewlenin
Jannar-Diċembru 2024