Il-Punti ewlenin
- Fl-2025, is-settur tal-Gvern Ġenerali rreġistra defiċit taʼ €505.7 miljuni, li huwa ekwivalenti għal 2.1 fil-mija tal-PDG.
- Fl-2025, id-dejn żdied bʼ€789.0 miljun fuq is-sena taʼ qabel, u laħaq il-€11,410.1 miljuni jew 46.3 fil-mija tal-PDG.
- Saru aġġustamenti biex defiċit taʼ €823.9 miljun tal-Fond Konsolidat ikun mibdul fʼdefiċit tas-settur tal-Gvern Ġenerali taʼ €505.7 miljuni, ikkalkulat fuq il-bażi tad-dovuti.
Il-Kummentarju
Il-Bilanċ Fiskali u d-Dejn tal-Gvern Ġenerali
Id-defiċit tal-Gvern Ġenerali għall-2025 kien taʼ €505.7 miljuni, li huwa titjib taʼ €309.2 miljuni fuq id-defiċit li kien irreġistrat fis-sena taʼ qabel. Il-bilanċ jitkejjel billi tinħareġ id-differenza bejn id-dħul sħiħ (€8,646.4 miljun) u n-nefqa sħiħa (€9,152.0 miljun) tal-Gvern Ġenerali. Meta jitqabblu l-2025 u l-2024, id-dħul sħiħ żdied bʼ€831.0 miljun, filwaqt li n-nefqa sħiħa żdiedet bʼ€521.8 miljun.
| 2022 | 2023 | 2024 | 2025 | ||
| General Government revenue | € 000 | 5,951,755 | 6,558,007 | 7,815,343 | 8,646,363 |
| % of GDP | 33.0 | 31.4 | 33.9 | 35.1 | |
| General Government expenditure | € 000 | 6,903,626 | 7,486,289 | 8,630,253 | 9,152,046 |
| % of GDP | 38.3 | 35.8 | 37.4 | 37.1 | |
| General Government surplus (+) / deficit (-) | € 000 | -951,872 | -928,282 | -814,910 | -505,683 |
| % of GDP | -5.3 | -4.4 | -3.5 | -2.1 | |
| General Government debt | € 000 | 9,040,437 | 9,817,891 | 10,621,071 | 11,410,075 |
| % of GDP | 50.1 | 46.9 | 46.0 | 46.3 | |
Meta kkalkulat bħala perċentwali tal-PDG, id-defiċit tal-Gvern Ġenerali kien ta’ 2.1 fil-mija, li huwa titjib taʼ 1.5 punti perċentwali meta mqabbel mad-defiċit taʼ 3.5 fil-mija li kien irreġistrat fl-2024.
Id-dejn tal-Gvern Ġenerali żdied bʼ€789.0 miljun fuq l-2024 biex laħaq il-€11,410.1 miljun. Fl-2025, il-proporzjon tad-dejn imqabbel mal-PDG telaʼ għal 46.3 fil-mija mis-46.0 fil-mija fl-2024 (Tabella nru 1).
Iċ-Ċifri tal-2025
Sabiex jintlaħaq il-bilanċ negattiv tas-settur tal-Gvern Ġenerali ta’ €505.7 għall-2025, saru għadd taʼ aġġustamenti fil-bilanċ tal-Fond Konsolidat tal-Gvern, li rreġistra defiċit taʼ €823.9 miljun, skont kif kien irrappurtat fl-istqarrija tal-aħbarijiet tal-NSO 052/2026. L-aġġustamenti huma meħtieġa għat-tranżizzjoni mill-Fond Konsolidat tal-Gvern għall-eżerċizzju li huwa bbażat fuq id-dovuti (accruals) u li huwa kkompilat skont il-metodoloġija Ewropea stabbilita. L-aġġustamenti jqisu wkoll kemm l-Entitajiet meqjusa parti mill-Gvern (EBUs)1, li huma kklassifikati ġos-settur tal-Gvern Ġenerali, kif ukoll is-settur tal-Gvern Lokali. Tabella nru 3 tispjega t-tranżizzjoni mill-Fond Konsolidat għas-settur tal-Gvern Ġenerali.
L-akbar aġġustament pożittiv kellu xʼjaqsam mat-tranżazzjonijiet fi flus kontanti aġġustati biż-żmien (€391.6 miljun), li kien segwit mis-surplus irreġistrat mill-EBUs, li laħaq il-€176.5 miljun fl-2025, li fisser tnaqqis taʼ €3.7 miljuni fuq l-2024. Tranżazzjonijiet pożittivi oħra inkludew id-differenza bejn l-imgħax imħallas u dak akkumulat (€9.8 miljuni), l-imgħax irċevut mis-Sinking Fund (€9.5 miljuni), is-surplus aggregat tal-Gvern Lokali (€2.8 miljuni) u r-reġistrazzjoni tal-krediti tat-taxxi pagabbli (€2.6 miljuni).
L-aġġustamenti negattivi ewlenin inkludew Kontijiet oħra riċevibbli u pagabbli, li ammontaw għal €164.0 miljun. Fost ħwejjeġ oħra, dawn jinkludu ċ-ċifri tal-accruals tad-Dipartiment tat-Teżor u l-aġġustamenti tan-newtralizzazzjoni tal-Fondi tal-UE. Aġġustamenti oħra negattivi kienu l-Kumpens tal-Gvern lill-azzjonisti tan-National Bank of Malta (€71.8 miljun), it-tranżazzjonijiet irreġistrati taħt il-kategorija ‘Oħrajn’ (€20.6 miljun), u t-tranżazzjonijiet li ġew indirizzati mill-ġdid fis-settur tal-Gvern Ġenerali u l-ftehim għas-sħubiji bejn il-Gvern u l-privat (PPP) (€9.2 miljuni), u l-flussi tat-Treasury Clearance Fund (TCF) fi tranżazzjonijiet mhux finanzjarji (€8.1 miljuni) (Tabella nru 3).
Rappurtar u aġġornamenti
Fit-30 taʼ Settembru 2026, Malta bagħtet il-livelli tad-defiċit u d-dejn tal-Gvern għas-snin 2022-2025, bħala parti mill-Proċedura tan-Notifikazzjoni tad-Defiċit Eċċessiv (EDP). Dan sar skont ir-Regolament tal-Kunsill (RK) Nru 479/2009, kif emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 220/2014.
Meta mqabbel mas-sottomissjoni taʼ qabel, li kienet saret fit-30 taʼ Marzu 2026, id-defiċit tal-Gvern Ġenerali kien rivedut ʼl isfel għall-2023 u l-2025, u ʼl fuq għall-2024 Għall-2024, l-aġġornamenti tar-rapporti finanzjarji awditjati tal-EBUs u l-kunsilli lokali wasslu għal reviżjoni ʼl isfel taʼ €20.9 miljun.
Għall-2025, it-tlestija tar-rapporti finanzjarji awditjati tal-EBUs u tal-kunsilli lokali wasslet għal reviżjoni pożittiva kkombinata ta’ €56.0 miljun fuq il-bilanċ fiskali. Barra minn hekk, ir-reviżjonijiet fil-kategorija ta’ Kontijiet oħra riċevibbli u pagabbli, kellhom impatt negattiv ta’ €16.1-il miljun fuq il-bilanċ fiskali, filwaqt li l-krediti tat-taxxa pagabbli kienu riveduti ’l fuq b’€10.6 miljuni. Reviżjonijiet oħra ’l isfel inkludew €4.7 miljuni relatati ma’ tranżazzjonijiet li ġew indirizzati mill-ġdid fis-settur tal-Gvern Ġenerali u l-ftehim għas-sħubiji bejn il-Gvern u l-privat (PPP) u €4.8 miljuni oħra li ġew irreġistrati fil-kategorija ta’ ‘Oħrajn’.
Ir-reviżjonijiet fid-dejn tal-Gvern Ġenerali kienu ġejjin mit-tlestija tal-kontijiet awditjati tal-EBUs u tal-kunsilli lokali. B’hekk, iċ-ċifri tad-dejn ġew riveduti ’l isfel bi €13.0-il miljun fl-2025.
Aġġustamenti fl-istock-flow (SFA)
L-SFA, li huwa wkoll magħruf bħala l-aġġustament tad-defiċit u d-dejn, jaqbad dawk it-tranżazzjonijiet jew fatturi li jaffettwaw id-dejn tal-Gvern imma li ma jkunux jidhru fil-bilanċ fiskali tiegħu. Fl-2025, kien irreġistrat SFA taʼ 1.1 fil-mija tal-PDG, li juri li ż-żieda fid-dejn tal-gvern, li kien taʼ 3.2 fil-mija tal-PDG, kienet ogħla mid-defiċit ta’ 2.1 fil-mija tal-PDG. L-SFA pożittiv kien ġej l-aktar minn ċaqliq fil-komponenti tiegħu, l-aktar miż-żidiet fil-Munita u d-Depożiti (0.9 fil-mija tal-PDG) u fiż-żamma tal-Ishma fʼfondi taʼ investiment (0.4 fil-mija tal-PDG), li kienu bbilanċjati bi tnaqqis fʼKontijiet oħra riċevibbli u pagabbli (0.2 fil-mija tal-PDG) (Tabella nru 4).
Aktar Tagħrif
Fʼdin l-istqarrija, id-data hija ppreżentata fuq il-bażi tad-dovuti, bʼkuntrast mal-istqarrijiet taʼ kull xahar dwar iċ-ċifri tal-finanzi tal-Gvern, li jirriflettu l-Fond Konsolidat tal-Gvern u huma ppreżentati fuq il-bażi tal-ħlas. Dan l-eżerċizzju huwa kkompilat skont il-Manwal dwar id-Defiċit u d-Dejn tal-Gvern (l-edizzjoni tal-2022) Sistema Ewropea tal-Kontijiet Nazzjonali (ESA) 2010. Hija tkopri s-settur tal-Gvern Ġenerali, li jinkludi fih l-Gvern Lokali, l-Entitajiet Barra mill-Estimi, u l-Gvern Ċentrali. Huma inklużi wkoll kontijiet oħra tal-Gvern, bħall-Clearance Fund tat-Teżor u s-Sinking Fund, flimkien mal-Fond Konsolidat. Tranżazzjonijiet finanzjarji huma esklużi, u aġġustamenti oħra fuq il-bażi tad-dovuti huma meqjusa.
It-Tabelli tan-notifika uffiċjali tal-EDP li kienu mgħoddijin lill-Kummissjoni Ewropea jinstabu fit-tabelli tal-Excel.
Id-data tal-Fond Konsolidat tal-Gvern jinstabu hawn: https://nso.gov.mt/mt/il-finanzi-pubblici/.
Aktar tagħrif kemm dwar il-kategoriji tad-dħul u n-nefqa kif ukoll l-assi u l-obbligazzjonijiet finanzjarji u d-dejn, ħareġ fl-Istqarrija dwar ‘Il-Kontijiet taʼ Kull Tliet Xhur tal-Gvern Ġenerali: K2/2026’, li tinsab hawn: https://nso.gov.mt/mt/il-finanzi-pubblici/.
L-Inventarju Konsolidat tas-Sorsi u l-Metodi tal-EDP fl-ESA 2010 jinsab fis-sit elettroniku tal-NSO. Id-dokument jistaʼ jintlaħaq minn hawn: https://nso.gov.mt/mt/themes_sources___met/il-bilanc-fiskali-u-d-dejn-tal-gvern-generali-taht-it-trattat-ta%ca%bc-maastricht/.
1 Fi tmiem l-istqarrija tinsab il-lista ta’ EBUs li kienu jagħmlu sehem mis-settur tal-Gvern Ġenerali fil-31 ta’ Diċembru 2025.
Tables
Tables
- xlsx Table 2. General Government balance and debt data 16.94 KB
- xlsx Table 3. Transition between Consolidated Fund and General Government sector 19.95 KB
- xlsx Table 4. Composition of stock flow adjustment 16.68 KB
- xlsx Table 5. Extra Budgetary Units as at 31 December 2025 18.29 KB
- xlsx All Tables 66.48 KB
EDP Tables
- xlsx EDP Table 1. Reporting of government surplus/deficit and debt levels and provision of associated data 18.80 KB
- xlsx EDP Table 2A. Provision of the data which explain the transition between the public accounts budget balance and the central government surplus/deficit 19.54 KB
- xlsx EDP Table 2C. Provision of the data which explain the transition between the working balance and the local government surplus/deficit 18.45 KB
- xlsx EDP Table 3A. Provision of the data which explain the contributions of the surplus/deficit and the other relevant factors to the variation in the debt level (general government) 20.58 KB
- xlsx EDP Table 3B. Provision of the data which explain the contributions of the surplus/deficit and the other relevant factors to the variation in the debt level and the consolidation of debt (central government) 20.83 KB
- xlsx EDP Table 3D. Provision of the data which explain the contributions of the surplus/deficit and the other relevant factors to the variation in the debt level and the consolidation of debt (local government) 19.66 KB
- xlsx EDP Table 4. Provision of other data in accordance with the statements contained in the Council minutes of 22/11/1993 18.58 KB
