Home » Il-Provvista tal-Ħaddiema Reġjonali bil-Post tar-Residenza u tax-Xogħol: 2023
Il-provvista tal-ħaddiema hija magħmula mill-persuni li kienu qegħdin jaħdmu u l-persuni li kienu qegħdin jirreġistraw għax-xogħol. Sabiex tkun eżaminata l-provvista tal-ħaddiema reġjonali f’MALTA fil-livell taʼ NUTS 3, l-istatistika dwar l-impjiegi qed tiġi murija taħt żewġ varjanti differenti; skont il-post tar-residenza u skont il-post tax-xogħol, rispettivament. Persuni li jaħdmu barra r-reġjun tar-residenza tagħhom jissejħu ħaddiema li jivvjaġġaw.
L-għadd sħiħ tal-persuni li kienu jaħdmu (full-time u part-time bħala impjieg primarju) fir-reġjuni taʼ Malta, u taʼ Għawdex u Kemmuna (NUTS 3)
Il-persuni li kienu jaħdmu fir-reġjun ta’ Malta (skont il-post tax-xogħol), qabżu l-għadd totali ta’ persuni li kienu jaħdmu u li kienu wkoll residenti fir-reġjun ta’ Malta (skont il-post ta’ residenza). Il-kuntrarju kien isaltan fir-reġjun ta’ Għawdex u Kemmuna. Id-differenza tirrappreżenta l-bilanċ nett tal-ħaddiema li jivvjaġġaw fir-reġjuni rispettivi. Il-ħaddiema li jivvjaġġaw kienu fil-biċċa l-kbira tagħhom residenti ta’ Għawdex u Kemmuna li jaħdmu fir-reġjun ta’ Malta, li jammontaw għal 4,066 persuna li kienu jaħdmu fl-2023. Dan ifisser li, bejn wieħed u ieħor, wieħed minn kull ħames persuni li kienu jaħdmu u li kienu residenti fir-reġjun ta’ Għawdex u Kemmuna ħadem fir-reġjun ta’ Malta u 50.8 fil-mija tagħhom kienu rġiel (Tabelli nri 1 u 2).
Fl-2023, il-biċċa l-kbira tal-persuni li kienu jaħdmu f’MALTA kienu fil-qasam tal-kummerċ bl-ingrossa u bl-imnut; tiswija ta’ vetturi bil-mutur u muturi; fil-qasam tat-trasport u l-ħżin; u fil-qasam tal-akkomodazzjoni u attivitajiet ta’ servizz tal-ikel (Taqsimiet tan-NACE G, H u I) u fil-qasam tal-amministrazzjoni pubblika u d-difiża; sigurtà soċjali obbligatorja; fil-qasam tal-edukazzjoni; u fil-qasam tas-saħħa tal-bniedem u l-attivitajiet ta’ ħidma soċjali (Taqsimiet tan-NACE O, P u Q), b’26.2 u 20.2 fil-mija, rispettivament (Tabelli nri 1 u 2).
Ir-reġjun ta’ Malta kellu l-ogħla proporzjon ta’ residenti impjegati fil-qasam tal-kummerċ bl-ingrossa u bl-imnut; tiswija ta’ vetturi bil-mutur u muturi; fil-qasam tat-trasport u l-ħżin; u fil-qasam tal-akkomodazzjoni u attivitajiet ta’ servizzi tal-ikel (Taqsimiet tan-NACE G, H u I) bʼ26.4 fil-mija, filwaqt li fir-reġjun ta’ Għawdex u Kemmuna l-maġġoranza tar-residenti ħadmet fil-qasam tal-amministrazzjoni pubblika u d-difiża; sigurtà soċjali obbligatorja; fil-qasam tal-edukazzjoni; u fil-qasam tas-saħħa tal-bniedem u attivitajiet ta’ ħidma soċjali (Taqsimiet tan-NACE O, P u Q) bʼ29.4 fil-mija (Tabella nru 1).
Ix-xogħol full-time: ir-reġjun ta’ Malta
Bil-post tar-residenza
Fl-2023, ir-residenti ta’ Malta li kienu jaħdmu fuq bażi full-time laħqu l-264,228, żieda ta’ 7.8 fil-mija meta mqabblin mal-2022 (Tabella nru 3). Is-settur privat ammonta għal 82.7 fil-mija tat-total, filwaqt li l-bqija kienu jaħdmu fis-settur pubbliku (Ċart nru 1).