Il-Provvista tal-Ħaddiema Reġjonali bil-Post tar-Residenza u tax-Xogħol: 2024
- Fl-2024, l-għadd sħiħ tal-persuni li kienu jaħdmu fʼMALTA kien taʼ 326,678, li huwa żieda taʼ 3.7 fil-mija meta mqabbel mas-sena taʼ qabel.
- Meta mqabbel mal-2023, l-impjiegi full-time tar-residenti taʼ Malta żdiedu bi 3.3 fil-mija għal 271,920, filwaqt li r-residenti taʼ Għawdex u Kemmuna li kellhom impjieg full-time żdiedu bʼ5.9 fil-mija għal 19,554.
- Fl-2024, l-impjiegi full-time fir-reġjun taʼ Malta kienu jgħoddu 276,640, li huma żieda taʼ 3.4 fil-mija mill-2023, filwaqt li fir-reġjun taʼ Għawdex u Kemmuna l-impjiegi full-time laħqu l-14,834, li huma żieda taʼ 5.5 fil-mija mill-2023.
- Ir-residenti taʼ Għawdex u Kemmuna li kienu jaħdmu full-time fir-reġjun taʼ Malta kienu jgħoddu 4,166, li minnhom, 56.8 fil-mija kienu rġiel.
- Matul l-2024, il-persuni jirreġistraw għax-xogħol kienu l-aktar fid-distrett tan-Nofsinhar tal-Port (28.1 fil-mija).
Il-Provvista tal-Ħaddiema Reġjonali bil-Post tar-Residenza u tax-Xogħol: 2024
Il-Provvista tal-Ħaddiema Reġjonali bil-Post tar-Residenza u tax-Xogħol: 2024
Il-provvista tal-ħaddiema hija magħmula mill-persuni li kienu qegħdin jaħdmu u l-persuni li kienu qegħdin jirreġistraw għax-xogħol. Sabiex tkun mistħarrġa l-provvista tal-ħaddiema reġjonali f’MALTA fil-livell taʼ NUTS 3, l-istatistika dwar l-impjiegi qed tiġi murija taħt żewġ varjanti differenti; skont il-post tar-residenza u skont il-post tax-xogħol, rispettivament. Persuni li jaħdmu barra r-reġjun tar-residenza tagħhom jissejħu ħaddiema li jivvjaġġaw.
L-għadd sħiħ tal-persuni li kienu jaħdmu (full-time u part-time bħala impjieg ewlieni) fir-reġjuni taʼ Malta, u taʼ Għawdex u Kemmuna (NUTS 3)
Il-persuni jaħdmu fir-reġjun ta’ Malta (skont il-post tax-xogħol) qabżu l-għadd ta’ persuni jaħdmu li kienu wkoll residenti fir-reġjun ta’ Malta (skont il-post ta’ residenza). Il-kuntrarju kien isaltan fir-reġjun ta’ Għawdex u Kemmuna. Id-differenza tirrappreżenta l-bilanċ nett tal-ħaddiema li jivvjaġġaw fir-reġjuni rispettivi. Il-ħaddiema li jivvjaġġaw kienu fil-biċċa l-kbira tagħhom residenti ta’ Għawdex u Kemmuna li jaħdmu fir-reġjun ta’ Malta, li jammontaw għal 4,935 persuna li kienu jaħdmu fl-2024. Dan ifisser li, bejn wieħed u ieħor, wieħed minn kull ħames persuni li kienu jaħdmu u li kienu residenti fir-reġjun ta’ Għawdex u Kemmuna ħadem fir-reġjun ta’ Malta u 54.7 fil-mija tagħhom kienu rġiel (Tabelli nri 1 u 2).
Fl-2024, il-biċċa l-kbira tal-persuni li kienu jaħdmu f’MALTA kienu fil-qasam tal-kummerċ bl-ingrossa u bl-imnut; tiswija ta’ vetturi bil-mutur u muturi; fil-qasam tat-trasport u l-ħżin; u fil-qasam tal-akkomodazzjoni u attivitajiet ta’ servizz tal-ikel (Taqsimiet tan-NACE G, H u I) u fil-qasam tal-amministrazzjoni pubblika u d-difiża; sigurtà soċjali obbligatorja; fil-qasam tal-edukazzjoni; u fil-qasam tas-saħħa tal-bniedem u l-attivitajiet ta’ ħidma soċjali (Taqsimiet tan-NACE O, P u Q), b’26.4 u 20.3 fil-mija, rispettivament (Tabelli nri 1 u 2).
Ir-reġjun ta’ Malta kellu l-ogħla proporzjon ta’ residenti impjegati fil-qasam tal-kummerċ bl-ingrossa u bl-imnut; tiswija ta’ vetturi bil-mutur u muturi; fil-qasam tat-trasport u l-ħżin; u fil-qasam tal-akkomodazzjoni u attivitajiet ta’ servizzi tal-ikel (Taqsimiet tan-NACE G, H u I) bʼ26.7 fil-mija, filwaqt li fir-reġjun ta’ Għawdex u Kemmuna l-maġġoranza tal-ħaddiema residenti ħadmu fil-qasam tal-amministrazzjoni pubblika u d-difiża; sigurtà soċjali obbligatorja; fil-qasam tal-edukazzjoni; u fil-qasam tas-saħħa tal-bniedem u attivitajiet ta’ ħidma soċjali (Taqsimiet tan-NACE O, P u Q) bi 28.8 fil-mija (Tabella nru 1).
Ix-xogħol full-time: ir-reġjun ta’ Malta
Bil-post tar-residenza
Fl-2024, ir-residenti ta’ Malta jaħdmu fuq bażi full-time laħqu l-271,920, żieda ta’ 3.3 fil-mija meta mqabblin mal-2023 (Tabella nru 3). Is-settur privat ammonta għal 82.6 fil-mija tat-total, filwaqt li l-bqija ħadmu fis-settur pubbliku (Ċart nru 1).
Ċart nru 1. L-Impjiegi full-time bir-reġjun (NUTS 3), is-settur u l-post
Bil-post tax-xogħol
Fl-2024, l-impjiegi full-time fir-reġjun ta’ Malta laħqu l-276,640, li hija żieda taʼ 3.4 fil-mija fuq l-2023. L-impjiegi full-time fis-settur privat kienu jammontaw għal 82.1 fil-mija tal-għadd kollu, filwaqt li s-17.9 fil-mija li jifdal kienu fis-settur pubbliku (Tabella nru 4 u Ċart nru 1). Il-ħaddiema rġiel fis-settur privat ammontaw għal 51.5 fil-mija tat-total ta’ impjiegi full-time fir-reġjun ta’ Malta (Tabella nru 4). L-akbar għadd ta’ impjiegi full-time fir-reġjun ta’ Malta kien irreġistrat fil-qasam tal-kummerċ bl-ingrossa u bl-imnut; tiswija ta’ vetturi bil-mutur u muturi; fil-qasam tat-trasport u l-ħżin, u fl-attivitajiet ta’ servizzi ta’ akkomodazzjoni u ikel (Taqsimiet tan-NACE G, H u I), li laħqu l-25.7 fil-mija tat-total (Ċart nru 6).
Ix-xogħol full-time: ir-reġjun taʼ Għawdex u Kemmuna
Bil-post tar-residenza
Fl-2024, ir-residenti taʼ Għawdex u Kemmuna li kellhom impjieg full-time kienu jgħoddu bʼkollox 19,554, li juru żieda taʼ 5.9 fil-mija meta mqabblin mal-2023. Minnhom kollha, is-settur privat kien responsabbli għal 68.5 fil-mija (Tabella nru 3 u Ċart nru 1).
L-akbar sehem ta’ residenti ta’ Għawdex u Kemmuna b’impjieg full-time fis-settur pubbliku kien fil-qasam tal-amministrazzjoni pubblika u d-difiża; sigurtà soċjali obbligatorja; fil-qasam tal-edukazzjoni u fis-saħħa tal-bniedem u l-attivitajiet ta’ ħidma soċjali (Taqsimiet tan-NACE O, P u Q). Dan ammonta għal 79.7 fil-mija tas-settur pubbliku kollu. Min-naħa l-oħra, l-akbar proporzjon ta’ residenti ta’ Għawdex u Kemmuna impjegati full-time fis-settur privat kienu jaħdmu fil-qasam tal-kummerċ bl-ingrossa u bl-imnut; tiswija ta’ vetturi bil-mutur u muturi; fil-qasam tat-trasport u l-ħżin; u fl-attivitajiet ta’ akkomodazzjoni u servizzi tal-ikel (Taqsimiet tan-NACE G, H u I). Dan ammonta għal 31.1 fil-mija tas-settur privat kollu (Ċart nru 4a). Barra minn hekk, l-irġiel li kienu residenti f’Għawdex u Kemmuna u li ħadmu full-time, kienu impjegati b’mod predominanti fil-qasam tal-kummerċ bl-ingrossa u bl-imnut; tiswija ta’ vetturi bil-mutur u muturi; fil-qasam tat-trasport u l-ħżin; u fl-attivitajiet ta’ akkomodazzjoni u servizzi tal-ikel (Taqsimiet tan-NACE G, H u I), filwaqt li l-maġġoranza tan-nisa ħadmu fil-qasam tal-amministrazzjoni pubblika u d-difiża; sigurtà soċjali obbligatorja; fil-qasam tal-edukazzjoni u fil-qasam tas-saħħa tal-bniedem u l-attivitajiet ta’ ħidma soċjali (Taqsimiet tan-NACE O, P u Q) (Ċart nru 5a).
Bil-post tax-xogħol
Fl-2024, l-impjiegi full-time fir-reġjun ta’ Għawdex u Kemmuna laħqu l-14,834 biex bʼhekk urew żieda taʼ 5.5 fil-mija fuq l-2023 (Tabella nru 4). L-impjiegi full-time fis-settur privat kienu jgħoddu 72.1 fil-mija mit-total, filwaqt li l-irġiel li ħadmu f’dan is-settur ammontaw għal 44.3 fil-mija tat-total tal-impjiegi full-time f’Għawdex u Kemmuna (Ċarts nri 1 u 2 u Tabella nru 4). L-akbar sehem taʼ impjiegi full-time fis-settur privat kien fil-qasam tal-kummerċ bl-ingrossa u bl-imnut; tiswija ta’ vetturi bil-mutur u muturi; fil-qasam tat-trasport u l-ħżin; u fl-attivitajiet ta’ akkomodazzjoni u servizzi tal-ikel (Taqsimiet tan-NACE G, H u I) bʼ34.3 fil-mija. Fis-settur pubbliku, is-sehem tal-qasam tal-amministrazzjoni pubblika u d-difiża; sigurtà soċjali obbligatorja; tal-qasam tal-edukazzjoni u tal-qasam tas-saħħa tal-bniedem u l-attivitajiet ta’ ħidma soċjali (Taqsimiet tan-NACE O, P u Q) kienu responsabbli għal 76.7 fil-mija (Ċart nru 4b). FʼGħawdex u Kemmuna, il-ħaddiema rġiel full-time kienu jaħdmu l-aktar fil-qasam tal-kummerċ bl-ingrossa u bl-imnut; tiswija ta’ vetturi bil-mutur u muturi; fil-qasam tat-trasport u l-ħżin; u fl-attivitajiet ta’ akkomodazzjoni u servizzi tal-ikel (Taqsimiet tan-NACE G, H u I), filwaqt li n-nisa kienu jaħdmu l-aktar fil-qasam tal-amministrazzjoni pubblika u d-difiża; sigurtà soċjali obbligatorja; fil-qasam tal-edukazzjoni u fil-qasam tas-saħħa tal-bniedem u l-attivitajiet ta’ ħidma soċjali (Taqsimiet tan-NACE O, P u Q) (Ċart nru 5b).
