Iċ-Ċifri tal-Finanzi tal-Gvern: Jannar-Awwissu 2025
- Sa tmiem Awwissu 2025, il-Fond Konsolidat tal-Gvern irreġistra defiċit taʼ €203.4 miljuni.
- Meta mqabblin mas-sena taʼ qabel, id-dħul rikorrenti telaʼ bʼ174.6 miljun, filwaqt li n-nefqa sħiħa żdiedet bʼ€476.6 miljun. Iż-żieda fin-nefqa kienet akbar minn dik fid-dħul rikorrenti biex bʼhekk kien hemm bidla negattiva taʼ €302.0 miljuni fil-Fond Konsolidat tal-Gvern.
- L-akbar żieda fid-dħul ġiet mis-Sigurtà Soċjali (€99.1 miljun), filwaqt li l-Programmi u Inizjattivi (€178.3 miljun) irrappurtaw l-akbar żieda fost il-kategoriji tan-nefqa.
- Sa tmiem Awwissu 2025, id-Dejn kollu tal-Gvern Ċentrali kien jgħodd €11,138.2 miljun, €1,087.8 miljun aktar mill-istess xahar fl-2024.
Iċ-Ċifri tal-Finanzi tal-Gvern: Jannar-Awwissu 2025
Iċ-Ċifri tal-Finanzi tal-Gvern: Jannar-Awwissu 2025
Bejn Jannar u Awwissu 2025, id-Dħul Rikorrenti kien taʼ €5,025.6 miljun, €174.6 miljun aktar minn dak irrappurtat sena qabel. L-akbar żidiet kienu rreġistrati fis-Sigurtà Soċjali (€99.1 miljun), fit-Taxxa fuq il-Valur Miżjud (€87.1 miljun) u fil-Liċenzji, taxxi u multi (€31.9 miljun). Min-naħa l-oħra, kien irrappurtat dħul anqas fl-Għotjiet (€44.6 miljun), fit-Taxxa tad-Dħul (€28.4 miljun) u fid-Dħul mixxellanju (€10.4 miljuni).
Minn Jannar sa Awwissu 2025, in-nefqa kollha kienet taʼ €5,229.0 miljun, li hija €476.6 miljun aktar mis-sena ta’ qabel.
Fiż-żmien taʼ riferenza, in-Nefqa Rikorrenti kienet ta’ €4,546.4 miljun, li hija żieda taʼ €384.0 miljun meta mqabbla mal-€4,162.5 miljun li kienet irrappurtata fis-sena taʼ qabel. Iż-żieda taʼ €178.3 miljun fil-Programmi u Inizjattivi kellha l-akbar sehem fʼdin iż-żieda. Aktar żidiet kienu rreġistrati fis-Salarji u Pagi (€122.8 miljun), fil-Kontribuzzjonijiet lill-Entitajiet tal-Gvern (€43.0 miljun) u fl-Ispiża tal-Operat (€39.9 miljun).
L-iżviluppi ewliena fil-kategorija tal-Programmi u Inizjattivi kienu nefqiet akbar fuq il-Benefiċċji tas-Sigurtà Soċjali (€88.4 miljun), l-Iskejjel tal-Knisja (€23.8 miljun) u r-Riżorsi tal-UE (€18.9-il miljun).
L-imgħax fuq id-dejn pubbliku laħaq il-€192.5 miljun, żieda ta’ €19.3-il miljun meta mqabbel ma’ sena qabel.
Sa tmiem Awwissu 2025, in-nefqa kapitali tal-Gvern kienet taʼ €490.0 miljun, li hija €73.3 miljun aktar meta mqabbla mal-istess żmien fl-2024. Infiq akbar kien irreġistrat fuq l-Iżvilupp tat-tieni interconnector tal-elettriku (€73.5 miljun), l-Inizjattiva REPowerEU (€18.7-il miljun) u l-Inċentivi għall-Investiment (€14.9-il miljun). Min-naħa l-oħra, kien hemm tnaqqis fil-Kostruzzjoni u t-titjib tat-toroq (€23.3 miljun) u fl-Għotja għax-xiri taʼ vetturi elettriċi (€21.4 miljun).
Id-differenza bejn id-dħul u l-infiq sħaħ uriet defiċit ta’ €203.4 miljuni fil-Fond Konsolidat tal-Gvern fi tmiem Awwissu 2025, meta mqabbel mas-surplus ta’ €98.6 miljun taʼ sena qabel. Din id-differenza tirrifletti żieda fid-Dħul Rikorrenti sħiħ (€174.6 miljun), flimkien maʼ żidiet akbar fin-nefqa sħiħa, li hija magħmula min-Nefqa Rikorrenti (€384.0 miljun), mill-Imgħax (€19.3-il miljun) u min-Nefqa Kapitali (€73.3 miljun) (Tabella nru 1).
Fl-aħħar taʼ Awwissu 2025, id-dejn tal-Gvern Ċentrali kien taʼ €11,138.2 miljun, żieda taʼ €1,087.8 miljun meta mqabbel mal-2024. Iż-żieda rreġistrata fl-Istokks tal-Gvern taʼ Malta (€902.1 miljuni) kienet il-kontribut ewlieni għaż-żieda fid-dejn. Aktar dejn kien irreġistrat ukoll fil-Kambjali tat-Teżor (€171.0 miljun), fid-Dejn Barrani (€77.7 miljun) u fil-ħruġ tal-muniti tal-ewro fʼisem it-Teżor (€4.3 miljuni). Fid-direzzjoni opposta, kien hemm tnaqqis fl-Istokks taʼ Tifdil 62+ tal-Gvern taʼ Malta (€38.4 miljun). Fl-aħħar, investimenti akbar minn fondi tal-gvern fl-Istokks tal-Gvern ta’ Malta wasslu għal tnaqqis ta’ €28.9 miljun fid-dejn (Tabella nru 6).
Ċart nru 1. Is-surplus/id-defiċit fil-Fond Konsolidat: Jannar-Awwissu bis-sena
fʼmiljuni tal-ewro
Ċart nru 2. Id-dħul rikorrenti maqsum bil-kategoriji ewlenin
Jannar-Awwissu 2025
