Iċ-Ċifri tal-Finanzi tal-Gvern: Jannar-Ġunju 2025
- Sa tmiem Ġunju 2025, il-Fond Konsolidat tal-Gvern irreġistra defiċit taʼ €457.4 miljun.
- Meta mqabblin mas-sena taʼ qabel, id-dħul rikorrenti telaʼ bʼ€69.6 miljun, filwaqt li n-nefqa sħiħa żdiedet bʼ€437.2 miljun. Iż-żieda fin-nefqa kienet akbar minn dik fid-dħul rikorrenti biex bʼhekk kien hemm bidla negattiva taʼ €367.6 miljun fil-Fond Konsolidat tal-Gvern.
- L-akbar żieda fid-dħul ġiet mis-Sigurtà Soċjali (€80.7 miljun), filwaqt li l-Programmi u Inizjattivi (€169.3 miljun) irrappurtaw l-akbar żieda fost il-kategoriji tan-nefqa.
- Sa tmiem Ġunju 2025, id-Dejn kollu tal-Gvern Ċentrali kien jgħodd €10,992.7 miljun, €1,011.6-il miljun aktar mill-istess xahar fl-2024.
Iċ-Ċifri tal-Finanzi tal-Gvern: Jannar-Ġunju 2025
Iċ-Ċifri tal-Finanzi tal-Gvern: Jannar-Ġunju 2025
Bejn Jannar u Ġunju 2025, id-Dħul Rikorrenti kien taʼ €3,474.2 miljun, €69.6 miljun aktar minn dak irrappurtat sena qabel. L-akbar żidiet kienu rreġistrati fis-Sigurtà Soċjali (€80.7 miljun), fid-Dazju u s-Sisa (€39.6 miljun) u fit-Taxxa tad-Dħul (€26.8 miljun). Min-naħa l-oħra, kien irrappurtat dħul anqas fl-Għotjiet (€86.6 miljun), fit-Taxxa fuq il-Valur Miżjud (€18.2-il miljun) u fid-Dħul Mixxellanju (€10.6 miljuni).
Minn Jannar sa Ġunju 2025, in-nefqa kollha kienet taʼ €3,931.7 miljun, li hija €437.2 miljun aktar mis-sena ta’ qabel.
Fiż-żmien taʼ riferenza, in-Nefqa Rikorrenti kienet ta’ €3,446.4 miljun, li hija żieda taʼ €379.0 miljun meta mqabbla mat-€3,067.4 miljun li kienet irrappurtata fis-sena taʼ qabel. Iż-żieda taʼ €169.3 miljun fil-Programmi u Inizjattivi kellha l-akbar sehem fʼdin iż-żieda. Aktar żidiet kienu rreġistrati fis-Salarji u Pagi (€104.0 miljuni), fil-Kontribuzzjonijiet lill-Entitajiet tal-Gvern (€66.5 miljun) u fl-Ispiża tal-Operat (€39.2 miljun).
L-iżviluppi ewliena fil-kategorija tal-Programmi u Inizjattivi kienu nefqiet akbar fuq il-Benefiċċji tas-Sigurtà Soċjali (€84.9 miljun), l-Iskejjel tal-Knisja (€21.7 miljun) u l-Miżuri taʼ għajnuna għall-enerġija (€15.7-il miljun).
L-imgħax fuq id-dejn pubbliku laħaq il-€143.9 miljun, żieda ta’ €17.0-il miljun meta mqabbel ma’ sena qabel.
Sa tmiem Ġunju 2025, in-nefqa kapitali tal-Gvern kienet taʼ €341.4 miljun, li hija €41.3 miljun aktar meta mqabbla mal-istess żmien fl-2024. Infiq akbar kien irreġistrat fuq l-Iżvilupp tat-tieni interconnector tal-elettriku (€48.6 miljun), l-Inizjattiva REPowerEU (€16.5-il miljun) u l-Inċentivi għall-Investiment (€14.9-il miljun). Min-naħa l-oħra, kien irrappurtat infiq anqas fuq il-Kostruzzjoni u t-titjib tat-toroq (€31.5 miljun), l-Għotja għax-xiri taʼ vetturi elettriċi (€21.4 miljun) u l-Proprjetà, Impjant u Tagħmir (€3.6 miljuni).
Id-differenza bejn id-dħul u l-infiq sħaħ uriet defiċit ta’ €457.4 miljun fil-Fond Konsolidat tal-Gvern fi tmiem Ġunju 2025, meta mqabbel mad-defiċit ta’ €89.9 miljun taʼ sena qabel. Din id-differenza tirrifletti żieda fid-Dħul Rikorrenti sħiħ (€69.6 miljun), flimkien maʼ żidiet fin-nefqa sħiħa, li hija magħmula min-Nefqa Rikorrenti (€379.0 miljun), mill-Imgħax (€17.0-il miljun) u min-Nefqa Kapitali (€41.3 miljun) (Tabella nru 1).
Fl-aħħar taʼ Ġunju 2025, id-dejn tal-Gvern Ċentrali kien taʼ €10,992.7 miljun, żieda taʼ €1,011.6-il miljun meta mqabbel mal-2024. Iż-żieda rreġistrata fl-Istokks tal-Gvern taʼ Malta (€842.5 miljun) kienet il-kontribut ewlieni għaż-żieda fid-dejn. Aktar dejn kien irreġistrat ukoll fil-Kambjali tat-Teżor (€116.0-il miljun), fid-Dejn Barrani (€77.7 miljun) u fil-ħruġ tal-muniti tal-ewro fʼisem it-Teżor (€3.7 miljuni). Fid-direzzjoni opposta, kien hemm tnaqqis fl-Istokks taʼ Tifdil 62+ tal-Gvern taʼ Malta (€6.0 miljuni). Fl-aħħar, investimenti akbar minn fondi tal-gvern fl-Istokks tal-Gvern ta’ Malta wasslu għal tnaqqis ta’ €22.3 miljun fid-dejn (Tabella nru 6).
Ċart nru 1. Is-surplus/id-defiċit fil-Fond Konsolidat: Jannar-Ġunju bis-sena
fʼmiljuni tal-ewro
No Data Found
Ċart nru 2. Id-dħul rikorrenti maqsum bil-kategoriji ewlenin
Jannar-Ġunju 2025
