Il-Bilanċ Fiskali u d-Dejn tal-Gvern Ġenerali taħt it-Trattat taʼ Maastricht: L-Ewwel Rappurtar għall-2026
- Fl-2025, is-settur tal-Gvern Ġenerali rreġistra defiċit taʼ €545.3 miljun, li huwa ekwivalenti għal 2.2 fil-mija tal-PDG.
- Fl-2025, id-dejn żdied bʼ€776.0 miljun fuq is-sena taʼ qabel, u laħaq il-€11,397.1 miljun jew 46.4 fil-mija tal-PDG.
- Saru aġġustamenti biex defiċit taʼ €823.9 miljun tal-Fond Konsolidat ikun mibdul fʼdefiċit taʼ €545.3 miljun tas-settur tal-Gvern Ġenerali bbażat fuq is-sistema tal-accruals.
Il-Bilanċ Fiskali u d-Dejn tal-Gvern Ġenerali taħt it-Trattat taʼ Maastricht: L-Ewwel Rappurtar għall-2026
Il-Bilanċ Fiskali u d-Dejn tal-Gvern Ġenerali taħt it-Trattat taʼ Maastricht: L-Ewwel Rappurtar għall-2026
Il-Bilanċ Fiskali u d-Dejn tal-Gvern Ġenerali
Id-defiċit tal-Gvern Ġenerali għall-2025 kien taʼ €545.3 miljun, li huwa titjib taʼ €248.7 miljun fuq id-defiċit li kien irreġistrat fis-sena taʼ qabel. Il-bilanċ jitkejjel billi tinħareġ id-differenza bejn id-dħul sħiħ (€8,553.8 miljun) u n-nefqa sħiħa (€9,099.1 miljun) tal-Gvern Ġenerali. Meta jitqabblu l-2025 u l-2024, id-dħul sħiħ żdied bʼ€736.2 miljun, filwaqt li n-nefqa sħiħa żdiedet bʼ€487.5 miljun.
| 2022 | 2023 | 2024 | 2025 | ||
| Id-dħul tal-Gvern Ġenerali | € 000 | 5,951,755 | 6,558,814 | 7,817,608 | 8,553,838 |
| Bħala % tal-PDG | 33.1 | 31.3 | 33.8 | 34.8 | |
| In-nefqa tal-Gvern Ġenerali | € 000 | 6,903,626 | 7,487,202 | 8,611,610 | 9,099,098 |
| Bħala % tal-PDG | 38.4 | 35.8 | 37.2 | 37.0 | |
| Is-surplus (+) / id-defiċit (-) tal-Gvern Ġenerali | € 000 | -951,872 | -928,388 | -794,003 | -545,260 |
| Bħala % tal-PDG | -5.3 | -4.4 | -3.4 | -2.2 | |
| Id-dejn tal-Gvern Ġenerali | € 000 | 9,040,437 | 9,817,891 | 10,621,098 | 11,397,076 |
| Bħala % tal-PDG | 50.3 | 46.9 | 45.9 | 46.4 | |
Id-defiċit tal-Gvern Ġenerali kien ta’ 2.2 fil-mija tal-PDG, li huwa titjib taʼ 1.2 punti perċentwali meta mqabbel mad-defiċit taʼ 3.4 fil-mija li kien irreġistrat fl-2024.
Id-dejn tal-Gvern Ġenerali żdied bʼ€776.0 miljun fuq l-2024 biex laħaq €11,397.1 miljun. Fl-2025, il-proporzjon tad-dejn imqabbel mal-PDG telaʼ għal 46.4 fil-mija mill-45.9 fil-mija fl-2024 (Tabella nru 1).
Iċ-Ċifri tal-2025
Sabiex sar magħruf il-bilanċ negattiv taʼ €545.3 miljun tas-settur tal-Gvern Ġenerali għall-2025, saru għadd taʼ aġġustamenti fil-bilanċ tal-Fond Konsolidat tal-Gvern, li rreġistra defiċit taʼ €823.9 miljun, skont kif kien irrappurtat fl-istqarrija tal-aħbarijiet tal-NSO 052/2026. L-aġġustamenti huma meħtieġa għat-tranżizzjoni mill-Fond Konsolidat tal-Gvern għall-eżerċizzju li huwa bbażat fuq id-dovuti (accruals) u li huwa kkompilat skont il-metodoloġija Ewropea stabbilita. L-aġġustamenti jqisu wkoll kemm l-Entitajiet meqjusa parti mill-Gvern (EBUs)1, li huma kklassifikati ġos-settur tal-Gvern Ġenerali, kif ukoll is-settur tal-Gvern Lokali. Tabella nru 3 tipprovdi t-tranżizzjoni mill-Fond Konsolidat għas-settur tal-Gvern Ġenerali.
L-akbar aġġustament pożittiv kellu xʼjaqsam mat-tranżazzjonijiet fi flus kontanti aġġustati biż-żmien (€391.6 miljun), li kien segwit mis-surplus irreġistrat mill-EBUs, li laħaq il-€126.2 miljun fl-2025, li fisser tnaqqis taʼ €74.0 miljun fuq l-2024. Tranżazzjonijiet pożittivi oħra inkludew id-differenza bejn l-imgħax imħallas u dak akkumulat (€9.8 miljuni) u l-imgħax irċevut mis-Sinking Fund (€9.5 miljuni).
L- aġġustamenti negattivi ewlenin inkludew Kontijiet oħra riċevibbli u pagabbli, li ammontaw għal €147.9 miljun. Fost ħwejjeġ oħra, dawn jinkludu ċ-ċifri tal-accruals tad-Dipartiment tat-Teżor u l-aġġustamenti tan-newtralizzazzjoni tal-Fondi tal-UE. Aġġustamenti oħra negattivi kienu l-Kumpens tal-Gvern lill-azzjonisti tan-National Bank of Malta (€71.8 miljun), il-flussi tal-Clearance Funds tat-Teżor (TCF) fi tranżazzjonijiet mhux finanzjarji (€8.1 miljun), ir-reġistrazzjoni tal-krediti tat-taxxa pagabbli (€8.0 miljuni), it-tranżazzjonijiet li ġew indirizzati mill-ġdid fis-settur tal-Gvern Ġenerali u l-ftehim għas-sħubiji bejn il-Gvern u l-privat (PPP) (€4.5 miljuni) u s-surplus aggregat mill-Gvern Lokali (€2.9 miljuni) (Tabella nru 3).
Rappurtar u aġġornamenti
Fit-30 taʼ Marzu 2026, Malta bagħtet il-livelli tad-defiċit u d-dejn tal-Gvern għas-snin 2022-2025, bħala parti mill-Proċedura tan-Notifikazzjoni tad-Defiċit Eċċessiv (EDP). Dan sar skont ir-Regolament tal-Kunsill (RK) Nru 479/2009, kif emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 220/2014.
Meta mqabbel mas-sottomissjoni taʼ qabel, li kienet saret fit-30 taʼ Settembru 2025, id-defiċit tal-Gvern Ġenerali kien rivedut ʼl isfel għall-2022 u l-2024, u ʼl fuq għall-2023. Għall-2022, kien hemm tibdil fʼKontijiet oħra riċevibbli u pagabbli, li kellu impatt pożittiv taʼ €8.7 miljuni fuq il-bilanċ fiskali, filwaqt li aġġornamenti tar-rapporti finanzjarji awditjati tal-EBUs u l-kunsilli lokali wasslu għal impatt pożittiv taʼ €1.2 miljun.
Għall-2023 u l-2024, ir-reviżjonijiet jirriflettu l-aktar it-tibdil fil-kategorija ta’ Kontijiet oħra riċevibbli u pagabbli, li kellu impatt pożittiv fuq il-bilanċ fiskali f’dawn is-sentejn, li laħqu s-€7.5 miljuni u t-€8.7 miljuni, rispettivament. It-tlestija tar-rapporti finanzjarji awditjati għall-EBUs u l-kunsilli lokali wasslet għal reviżjoni negattiva ta’ €9.0 miljuni fuq il-bilanċ fiskali fl-2023 u għal reviżjoni pożittiva ta’ €9.2 miljuni fl-2024.
Ir-reviżjonijiet fid-dejn tal-Gvern Ġenerali kienu ġejjin mit-tlestija tal-kontijiet awditjati tal-EBUs u l-kunsilli lokali. B’hekk, iċ-ċifri tad-dejn ġew riveduti ’l isfel b’€7.4 miljuni fl-2022, bi €8.3 miljuni fl-2023 u b’€26.3 miljun fl-2024.
Aġġustamenti fl-istock-flow (SFA)
L-SFA, li huwa wkoll magħruf bħala l-aġġustament tad-defiċit u d-dejn, jaqbad dawk it-tranżazzjonijiet jew fatturi li jaffettwaw id-dejn tal-Gvern imma li ma jkunux jidhru fil-bilanċ fiskali tiegħu. Fl-2025, kien irreġistrat SFA taʼ 0.9 fil-mija tal-PDG, li juri li ż-żieda fid-dejn tal-gvern, li kien taʼ 3.2 fil-mija tal-PDG, kienet ogħla mid-defiċit ta’ 2.2 fil-mija tal-PDG. L-SFA pożittiv kien ġej l-aktar minn ċaqliq fil-komponenti tiegħu, l-aktar miż-żidiet fil-Munita u d-Depożiti (0.6 fil-mija tal-PDG) u fiż-żamma tal-Ishma fʼfondi taʼ investiment (0.2 fil-mija tal-PDG), li kienu bbilanċjati bi tnaqqis fʼKontijiet oħra riċevibbli u pagabbli (0.1 fil-mija tal-PDG) (Tabella nru 4).
Aktar Tagħrif
Fʼdin l-istqarrija, id-data hija ppreżentata fuq il-bażi tad-dovuti, bʼkuntrast mal-istqarrijiet taʼ kull xahar dwar iċ-ċifri tal-finanzi tal-Gvern, li jirriflettu l-Fond Konsolidat tal-Gvern u huma ppreżentati fuq il-bażi tal-ħlas. Dan l-eżerċizzju huwa kkompilat skont il-Manwal dwar id-Defiċit u d-Dejn tal-Gvern u Is-Sistema Ewropea tal-Kontijiet Nazzjonali (ESA) 2010 (l-edizzjoni tal-2023). Hija tkopri s-settur tal-Gvern Ġenerali, li jinkludi fih ʼl-Gvern Lokali, l-Entitajiet Barra mill-Estimi, u l-Gvern Ċentrali li għandu xʼjaqsam mal-estimi. Huma inklużi wkoll kontijiet oħra tal-Gvern, bħall-Clearance Fund tat-Teżor u s-Sinking Fund, flimkien mal-Fond Konsolidat. Tranżazzjonijiet finanzjarji huma esklużi, u aġġustamenti oħra fuq il-bażi tad-dovuti huma meqjusa.
It-Tabelli tan-notifika uffiċjali tal-EDP li kienu mgħoddijin lill-Kummissjoni Ewropea jinstabu fit-tabelli tal-Excel.
Id-data tal-Fond Konsolidat tal-Gvern jinstabu hawn: online.
Aktar tagħrif kemm dwar il-kategoriji tad-dħul u n-nefqa kif ukoll l-assi u l-obbligazzjonijiet finanzjarji u d-dejn, inħareġ fl-Istqarrija dwar ‘Il-Kontijiet taʼ Kull Tliet Xhur tal-Gvern Ġenerali: K4/2025’.
L-Inventarju Konsolidat tas-Sorsi u l-Metodi tal-EDP fl-ESA 2010 jinsab fis-sit elettroniku tal-NSO. Id-dokument jistaʼ jintlaħaq minn hawn: https://nso.gov.mt/mt/themes_sources___met/il-bilanc-fiskali-u-d-dejn-tal-gvern-generali-taht-it-trattat-ta%ca%bc-maastricht/
1 Lista li tinstab fi tmiem din l-istqarrija tal-aħbarijiet turi l-EBUs li kienu jagħmlu sehem mis-settur tal-Gvern Ġenerali fil-31 ta’ Diċembru 2025.
Tables
Tables
Methodological Notes
