L-Aċċidenti fuq ix-Xogħol: Jannar-Ġunju 2025
- L-ewwel nofs tal-2025 irreġistra tnaqqis marġinali fl-għadd taʼ talbiet għall-Benefiċċju għal Korriment minħabba aċċidenti mhux fatali fuq il-post tax-xogħol.
- Kważi terz taʼ dawk li weġġgħu fʼħidmithom għamlu tlett ijiem jew inqas neqsin mix-xogħol.
- Il-biċċa l-kbira taʼ dawn l-aċċidenti kienu jolqtu ħaddiema fʼimpjiegi elementari.
- Kważi 67.0 fil-mija taʼ dawk involuti fʼaċċidenti mhux fatali fuq il-postijiet tax-xogħol kienu Maltin. Kienu rrappurtati erbaʼ aċċidenti fatali matul l-ewwel sitt xhur tal-2025.
L-Aċċidenti fuq ix-Xogħol: Jannar-Ġunju 2025
L-Aċċidenti fuq ix-Xogħol: Jannar-Ġunju 2025
Aċċidenti mhux fatali
Rekords amministrattivi juru li, fl-ewwel sitt xhur tal-2025, kienu rrappurtati 1,041 aċċident mhux fatali fuq il-post tax-xogħol.
L-oqsma tal-Manifattura u l-Kostruzzjoni kellhom l-akbar għadd taʼ dawn l-aċċidenti, bit-tnejn li huma jkollhom 13.9 fil-mija tat-total. Fil-qasam tal-attivitajiet tas-saħħa tal-bniedem u ħidma soċjali kien hemm 122 każ ieħor (11.7 fil-mija), filwaqt li fl-Attivitajiet taʼ servizz amministrattiv u taʼ sostenn kien hemm 114-il każ (11.0 fil-mija) (Tabella nru 1). Kważi terz taʼ dawk involuti kienu neqsin mix-xogħol għal tlitt ijiem jew inqas, filwaqt li dawk li kienu neqsin mix-xogħol għal 21 jum jew aktar laħqu s-17.8 fil-mija (Tabella nru 2).
Ċart nru 1. L-aċċidenti fuq ix-xogħol bl-oqsma tax-xogħlijiet (%)
Fil-perjodu taʼ riferenza, il-biċċa l-kbira tal-aċċidenti fuq il-postijiet tax-xogħol kienu jolqtu ħaddiema fʼimpjiegi elementari. Warajhom, kien hemm il-ħaddiema tas-sengħa (Tabella nru 3). Fejn jidħlu l-etajiet, 26.7 fil-mija taʼ dawn l-aċċidenti kienu jolqtu persuni li kellhom bejn il-25 u l-34 sena (Tabella nru 4). Fiż-żmien mifli minn din l-istqarrija, kważi 67.0 fil-mija taʼ dawk milqutin mill-aċċidenti mhux fatali fuq il-postijiet tax-xogħol kienu Maltin (Tabella nru 5).
Aktar minn 30.0 fil-mija tal-korrimenti fuq ix-xogħol kienu jaffettwaw id-Dahar, inkluż is-sinsla tad-dahar u l-għadam tagħha (Tabella nru 6). Il-ġrieħi u l-korrimenti superfiċjali, u t-tfekkik kienu l-aktar tipi komuni taʼ korrimenti, u ammontaw għal 714 u 245 każ, rispettivament (Tabella nru 7).
Fl-ewwel nofs tal-2025, 29.7 fil-mija tal-aċċidenti fuq ix-xogħol seħħew f’intrapriżi b’500 impjegat jew aktar, filwaqt li 24.4 fil-mija ġraw fʼintrapriżi b’50-249 impjegat (Tabella nru 9).
Matul l-2024, kienu rrappurtati 685 aċċident mhux fatali għal kull 100,000 persuna li taħdem. L-ogħla rata taʼ inċidenza standardizzata taʼ aċċidenti mhux fatali kienet fil-qasam tal-manifattura; segwita mill-kostruzzjoni (Tabella nru 11).
Aċċidenti fatali
Bejn Jannar u Ġunju 2025, l-Awtorità dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) irrappurtat erbat imwiet fuq ix-xogħol (Tabelli nri 12-14). Matul l-2024, ir-rata ta’ inċidenza ta’ aċċidenti fatali fuq il-post tax-xogħol kienet ta’ 1.3 (Tabella nru 15).
