Il-Bilanċ Fiskali u d-Dejn tal-Gvern Ġenerali taħt it-Trattat taʼ Maastricht: It-Tieni Rappurtar għall-2025
- Fl-2024, is-settur tal-Gvern Ġenerali rreġistra defiċit taʼ €811.9-il miljun, li jiġi daqs 3.5 fil-mija tal-PDG.
- Fl-2024, id-dejn żdied bi €821.2 miljun fuq is-sena taʼ qabel, u kien ilaħħaq l-€10,647.4 miljun jew 46.2 fil-mija tal-PDG.
- Saru aġġustamenti biex id-defiċit taʼ €432.7 miljun tal-Fond Konsolidat jgħaddi għal defiċit taʼ €811.9-il miljun tas-settur tal-Gvern Ġenerali bbażat fuq is-sistema tal-accruals.
Il-Bilanċ Fiskali u d-Dejn tal-Gvern Ġenerali taħt it-Trattat taʼ Maastricht: It-Tieni Rappurtar għall-2025
Il-Bilanċ Fiskali u d-Dejn tal-Gvern Ġenerali taħt it-Trattat taʼ Maastricht: It-Tieni Rappurtar għall-2025
Il-Bilanċ Fiskali u d-Dejn tal-Gvern Ġenerali
Id-defiċit tal-Gvern Ġenerali għall-2024 kien taʼ €811.9-il miljun, li huwa titjib taʼ €115.0-il miljun fuq id-defiċit li kien irreġistrat fis-sena taʼ qabel. Id-defiċit huwa kkalkulat bħala d-differenza bejn id-dħul sħiħ (€7,833.6 miljun) u n-nefqa sħiħa (€8,645.5 miljun) tal-Gvern Ġenerali. Meta jkunu mqabbla l-2024 u l-2023, id-dħul sħiħ żdied bʼ€1,268.7 miljun, filwaqt li n-nefqa sħiħa żdiedet bʼ€1,153.7 miljun.
Tabella nru 1. L-aggregati ewlenin
| 2021 | 2022 | 2023 | 2024 | ||
| Id-dħul tal-Gvern Ġenerali | miljuni taʼ ewro | 5,421.4 | 5,943.7 | 6,564.9 | 7,833.6 |
| % tal-PDG | 32.5 | 33.1 | 31.4 | 34.0 | |
| In-nefqa tal-Gvern Ġenerali | miljuni taʼ ewro | 6,582.0 | 6,903.1 | 7,491.9 | 8,645.5 |
| % tal-PDG | 39.4 | 38.4 | 35.8 | 37.5 | |
| Is-surplus (+) / id-defiċit (-) tal-Gvern Ġenerali | miljuni taʼ ewro | -1,160.6 | -959.4 | -926.9 | -811.9 |
| % tal-PDG | -7.0 | -5.3 | -4.4 | -3.5 | |
| Id-dejn tal-Gvern Ġenerali | miljuni taʼ ewro | 8,304.7 | 9,047.9 | 9,826.2 | 10,647.4 |
| % tal-PDG | 49.8 | 50.3 | 47.0 | 46.2 | |
Bħala persentaġġ tal-PDG, il-bilanċ negattiv tal-Gvern Ġenerali kien taʼ 3.5 fil-mija, li huwa titjib taʼ 0.9 punti perċentwali meta mqabbel mad-defiċit taʼ 4.4 fil-mija li kien irreġistrat fl-2023.
Ċart nru 1. Il-bilanċ tal-Gvern Ġenerali bħala % tal-PDG
Id-dejn tal-Gvern Ġenerali żdied bi €821.2 miljun fuq l-2023 biex ammonta għal €10,647.4 miljun. Fl-2024, id-dejn bħala persentaġġ tal-PDG niżel għal 46.2 fil-mija mis-47.0 fil-mija rreġistrat fl-2023 (Tabella nru 1).
Ċart nru 2. Id-dejn tal-Gvern Ġenerali bħala % tal-PDG
Iċ-Ċifri tal-2024
Biex sar magħruf il-bilanċ negattiv taʼ €811.9-il miljun tas-settur tal-Gvern Ġenerali għall-2024, saru aġġustamenti fil-bilanċ tal-Fond Konsolidat tal-Gvern, li rreġistra defiċit taʼ €432.7 miljun, kif irrappurtat fl-istqarrija tal-aħbarijiet tal-NSO 054/2025. L-aġġustamenti huma meħtieġa għat-tranżizzjoni mill-Fond Konsolidat tal-Gvern għall-eżerċizzju li huwa bbażat fuq id-dovuti (accruals) u li huwa kkompilat skont il-metodoloġija stabbilita. L-aġġustamenti jqisu wkoll kemm l-Entitajiet Barra mill-Estimi1 (EBUs), li huma kklassifikati fis-settur tal-Gvern Ġenerali, kif ukoll is-settur tal-Gvern Lokali. Tabella nru 3 tfiehem it-tranżizzjoni mill-Fond Konsolidat għas-settur tal-Gvern Ġenerali.
L-akbar aġġustament negattiv kien jikkonċerna t-tranżazzjonijiet fi flus kontanti aġġustati għaż-żmien meta ġew effetwati (€212.1-il miljun) u Kontijiet oħra rċevuti u mħallsa li ammontaw għal €196.9 miljun, u li fost ħwejjeġ oħra jinkludu ċ-ċifri tal-accruals tad-Dipartiment tat-Teżor, l-aġġustamenti tan-newtralizzazzjoni tal-Fondi tal-UE u l-posponimenti tat-taxxi minħabba l-Covid-19. Aġġustamenti oħra negattivi kienu l-investimenti ta’ flus ikklassifikati bħala trasferimenti kapitali (€156.0 miljun), il-flussi tal-Clearance Funds tat-Teżor (TCF) fi tranżazzjonijiet mhux finanzjarji (€27.3 miljun), it-tranżazzjonijiet li ġew meqjusa bħala parti mis-settur tal-Gvern Ġenerali u l-ftehimiet għas-sħubiji bejn il-Gvern u l-privat (PPP) (€10.4 miljuni), ir-reġistrazzjoni taʼ Krediti tat-taxxa pagabbli (€5.1 miljuni) u defiċit aggregat taʼ €3.5 miljuni tal-Gvern Lokali.
L-aġġustamenti pożittivi ewlenin kienu ż-żieda fis-surplus irreġistrata mill-EBUs, li kienet taʼ €191.9 miljun, li fissret żieda taʼ €88.8 miljun fuq l-2023. Żidiet oħra kienu d-differenza bejn l-imgħax imħallas u dovut (€8.8 miljuni) u l-imgħax irċevut mis-sinking fund (€7.7 miljuni) (Tabella nru 3).
Rappurtar u aġġornamenti
Fit-30 taʼ Settembru 2025, Malta ssottomettiet il-livelli tad-defiċit u d-dejn tal-Gvern għas-snin 2021-2024, bħala parti mill-Proċedura tan-Notifikazzjoni tad-Defiċit Eċċessiv (EDP). Dan sar skont ir-Regolament tal-Kunsill (RK) Nru 479/2009, kif emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 220/2014.
Meta mqabbel mas-sottomissjoni taʼ qabel, li kienet saret fit-28 taʼ Marzu 2024, id-defiċit tal-Gvern Ġenerali kien rivedut ʼil fuq għas-sena 2022, u rivedut ʼl isfel għas-snin 2023 u 2024. Għall-2022, bidliet fil-kategorija taʼ Kontijiet oħra rċevuti u mħallsa kellhom impatt negattiv ta’ €6.8 miljuni, filwaqt li l-aġġornamenti mir-rapporti finanzjarji awditjati għall-EBUs wasslu għal impatt pożittiv ta’ €1.9 miljun.
Għall-2023 u l-2024, ir-reviżjonijiet jirriflettu l-aktar it-tibdil fil-kategorija ta’ Kontijiet oħra rċevuti u mħallsa, li kellhom impatt pożittiv fuq il-bilanċ fiskali kemm fl-2023 kif ukoll fl-2024, li ammontaw għal €36.8 miljun u €12.7-il miljun, rispettivament. Fl-2023, il-kategorija ‘Oħrajn’ ikkontribwiet b’mod pożittiv, u tejbet il-bilanċ fiskali bi €15.8-il miljun. Barra minn hekk, id-disponibbiltà ta’ rapporti finanzjarji awditjati għall-EBUs u l-kunsilli lokali wasslet kemm għal reviżjoni ’l fuq ta’ €7.9 miljuni fil-bilanċ fiskali tal-2023 kif ukoll għal reviżjoni ’l isfel ta’ €15.3-il miljun fil-bilanċ fiskali tal-2024.
Ir-reviżjonijiet fid-Dejn tal-Gvern Ġenerali saru minħabba d-disponibbiltà tal-kontijiet awditjati tal-EBUs u l-Gvern Lokali. Bʼriżultat taʼ dan, iċ-ċifri tad-Dejn ġew riveduti ʼl isfel bʼ€0.6 miljuni għall-2021, bʼ€4.4 miljuni għall-2022, bʼ€4.5 miljuni għall-2023 u bʼ€1.0 miljun għall-2024.
Aġġustamenti fl-istock-flow (SFA)
L-SFA, li huwa wkoll magħruf bħala l-aġġustament tad-defiċit u d-dejn, jaqbad dawk it-tranżazzjonijiet jew fatturi li jaffettwaw id-dejn tal-Gvern imma li ma jkunux jidhru fil-bilanċ fiskali tal-Gvern. Fl-2024, l-SFA kien newtrali billi ammonta għall-0.0 fil-mija tal-PDG, li juri li l-bidla fid-dejn tal-Gvern għall-3.6 fil-mija tal-PDG taqbel ħafna mad-defiċit tal-Gvern, li kien taʼ 3.5 fil-mija tal-PDG. L-SFA newtrali kien ġej minn movimenti li bbilanċjaw lil xulxin, bi tnaqqis fʼKontijiet oħra rċevuti u mħallsa (1.2 fil-mija tal-PDG) u fiż-żamma tal-Munita u d-Depożiti (0.4 fil-mija tal-PDG), li kien ibbalanċjat l-aktar bʼżidiet fl-Ishma fʼfondi taʼ investiment (1.1 fil-mija tal-PDG) u fiż-żamma taʼ Titoli tad-Dejn (0.8 fil-mija tal-PDG) (Tabella nru 4).
Aktar Tagħrif
Fʼdin l-istqarrija, id-data hija ppreżentata fuq il-bażi tad-dovuti, bʼkuntrast mal-istqarrijiet taʼ kull xahar dwar iċ-ċifri tal-finanzi tal-Gvern, li jirriflettu l-Fond Konsolidat tal-Gvern ippreżentati fuq il-bażi tal-ħlas. Dan l-eżerċizzju huwa kkompilat skont il-Manwal dwar id-Defiċit u d-Dejn tal-Gvern u Is-Sistema Ewropea tal-Kontijiet Nazzjonali (ESA) 2010 (l-edizzjoni tal-2023). Hija tkopri s-settur tal-Gvern Ġenerali, li jinkludi fih l-Gvern Lokali, l-Entitajiet Barra mill-Estimi, u l-Gvern Ċentrali li għandu xʼjaqsam mal-estimi. Huma inklużi wkoll kontijiet oħra tal-Gvern, bħall-Clearance Fund tat-Teżor u s-Sinking Fund, flimkien mal-Fond Konsolidat. Tranżazzjonijiet finanzjarji huma esklużi, u aġġustamenti oħra fuq il-bażi tad-dovuti huma inklużi.
It-Tabelli tan-notifika uffiċjali tal-EDP li kienu mgħoddija lill-Kummissjoni Ewropea jinstabu fit-tabelli tal-Excel.
Id-data tal-Fond Konsolidat tal-Gvern jinstabu hawn: https://nso.gov.mt/mt/il-finanzi-pubblici/
Aktar tagħrif, kemm dwar il-kategoriji tad-dħul u n-nefqa kif ukoll dwar l-assi u l-obbligazzjonijiet finanzjarji u d-dejn, ħareġ illum fl-Istqarrija dwar ‘Il-Kontijiet taʼ Kull Tliet Xhur tas-Settur tal-Gvern Ġenerali: K2/2025’. Din tinstab hawn: https://nso.gov.mt/mt/il-finanzi-pubblici/
L-Inventarju Konsolidat tas-Sorsi u l-Metodi tal-EDP fl-ESA 2010 jinsab fis-sit elettroniku tal-NSO. Id-dokument jistaʼ jintlaħaq minn hawn: https://nso.gov.mt/mt/themes_sources___met/il-bilanc-fiskali-u-d-dejn-tal-gvern-generali-taht-it-trattat-ta%ca%bc-maastricht/
1 Tabella nru 5 tinkludi lista ta’ EBUs li kienu jagħmlu sehem mis-settur tal-Gvern Ġenerali fil-31 ta’ Diċembru 2024.
