Home » Id-Demografija tan-Negozji: 2023
Din l-istqarrija tal-aħbarijiet hija kkompilata bl-użu tal-unità tal-istatistika tal-’intrapriża’. Din tista’ tkun magħmula minn unità ta’ negozju legali waħda jew aktar, li tipproduċi oġġetti jew servizzi u li għandha ċerta grad ta’ awtonomija fit-teħid tad-deċiżjonijiet (Ara n-nota metodoloġika nru 6). Ċifri proviżorji għall-2023 juru li f’Malta kien hawn 56,358 intrapriża, żieda ta’ 4.9 fil-mija, jew 2,616-il intrapriża, meta mqabbel mal-2022.
Is-settur tal-Kummerċ bl-ingrossa, bl-imnut u t-tiswija ta’ vetturi bil-mutur u muturi (Taqsima tan-NACE G) kien responsabbli għal 17.6 fil-mija tal-intrapriżi; l-Attivitajiet professjonali, xjentifiċi u tekniċi (Taqsima tan-NACE M) kienu responsabbli għal 14.4 fil-mija, filwaqt li l-Kostruzzjoni (Taqsima tan-NACE F) kienet responsabbli għal 10.2 fil-mija (Tabella nru 1, Ċart nru 1).
Meta mqabbel mas-sitwazzjoni fis-sena taʼ qabel, in-negozji żgħar ħafna (micro) li jħaddmu sa disgħa persuni żdiedu bʼ4.6 fil-mija, filwaqt li n-negozji ż-żgħar li jħaddmu bejn 10 u 49 persuna, żdiedu bʼ9.4 fil-mija. In-negozji taʼ daqs medju li jħaddmu bejn 50 u 249 persuna żdiedu bʼ7.1 fil-mija. In-negozji li jħaddmu 250 persuna u aktar żdiedu bʼ9.2 fil-mija (Tabella nru 1, Ċart nru 2).