Il-Punti ewlenin
- FʼMalta kien hawn 65,732 intrapriża attiva, li kienu qegħdin isostnu 289,943 impjieg, fl-2025.
- Fl-2025, l-intrapriżi fl-Attivitajiet professjonali, xjentifiċi u tekniċi (Taqsima tan-NACE N), fil-Kummerċ bl-ingrossa u bl-imnut (Taqsima tan-NACE G) u fil-Kostruzzjoni (Taqsima tan-NACE F) ġabru fi ħdanhom 38.1 fil-mija tal-intrapriżi kollha u kienu qegħdin isostnu 31.4 fil-mija tal-impjiegi.
- Fl-2025, 74.1 fil-mija tal-intrapriżi kienu taʼ persuni jaħdmu għal rashom u bi sħubija, filwaqt li 25.4 fil-mija kienu kumpaniji privati (Ltd jew Plc).
- Ċifri proviżorji juru li dawk l-intrapriżi li jħaddmu l-impjegati kienu jilħqu l-21,431 fʼMalta fl-2025.
- Fl-2025, in-negozji i li jimpjegaw mill-inqas 50 persuna kienu jirrappreżentaw 47.3 fil-mija tal-impjiegi kollha.
Il-Kummentarju
Bʼseħħ mis-sena taʼ riferenza 2025, l-istatistika tad-Demografija tan-Negozju hija maqsuma skont il-verżjoni aġġornata tal-klassifikazzjoni tal-istatistika Ewropea tat-Tieni Reviżjoni tan-NACE, l-Ewwel Aġġornament (NACE Rev. 2.1). Aktar tagħrif dwar din il-klassifikazzjoni ġdida huwa mogħti fl-Avviż taʼ Tagħrif għall-Istampa maħruġ fit-28 taʼ April 2026.
Din l-istqarrija tal-aħbarijiet hija kkompilata bl-użu tal-unità tal-istatistika tal-’intrapriża’. Intrapriża tista’ tkun magħmula minn unità ta’ negozju legali waħda jew aktar, li tipproduċi oġġetti jew servizzi u li għandha ċerta grad ta’ awtonomija fit-teħid tad-deċiżjonijiet (ara nota nru 6 fil-metodoloġija). Ċifri proviżorji għall-2025 juru li f’Malta kien hawn 65,732 intrapriża, żieda ta’ 6.4 fil-mija, jew 3,956 intrapriża, meta mqabbel mal-2024.
L-Attivitajiet professjonali, xjentifiċi u tekniċi (Taqsima tan-NACE N) kienu responsabbli għal 15.7 fil-mija tal-intrapriżi attivi; il-Kummerċ bl-ingrossa u bl-imnut (Taqsima tan-NACE G) kien responsabbli għal 13.4 fil-mija tal-intrapriżi, filwaqt li l-Kostruzzjoni (Taqsima tan-NACE F) kienet responsabbli għal 9.0 fil-mija (Tabella nru 1, Ċart nru 1).
Meta mqabbel mal-qagħda fis-sena taʼ qabel, in-negozji żgħar ħafna (mikro) li jħaddmu sa disaʼ persuni żdiedu b’6.6 fil-mija, filwaqt li n-negozji ż-żgħar li jħaddmu bejn 10 u 49 persuna żdiedu bi 3.0 fil-mija. In-negozji taʼ daqs medju li jħaddmu bejn 50 u 249 persuna żdiedu bʼ1.3 fil-mija. In-negozji li jħaddmu 250 persuna u aktar żdiedu bi 8.5 fil-mija (Tabella nru 1, Ċart nru 2).
