Home » Il-Kontijiet Ekonomiċi għall-Biedja: 2023
Ċifri proviżorji dwar il-valur tal-produzzjoni mibjugħa mis-settur agrikolu matul l-2023 juru żieda ta’ 2.4 fil-mija fuq l-2022 għal total ta’ €138.7 miljun; filwaqt li l-konsum intermedju mħallas mill-ażjendi agrikoli li qed joperaw żdied bi 3.2 fil-mija għal total ta’ €87.2 miljun. B’hekk, il-valur miżjud gross żdied b’ 1.0 fil-mija biex laħaq it-total ta’ €51.6 miljun. Barra minn hekk, l-ispiża marbuta mad-diprezzament tal-kapital fiss li ġie użat mill-bdiewa għal għanijiet tad-dħul tagħhom żdiedet bi 2.0 fil-mija għal total ta’ €7.1 miljuni, filwaqt li n-nefqa totali fuq il-pagi żdiedet b’20.6 fil-mija biex laħqet is-€7.3 miljuni.
F’dak li għandu x’jaqsam mal-għajnuna finanzjarja mqassma matul is-sena taʼ riferenza, it-total ta’ assistenza li ngħatat kemm mill-programmi ffinanzjati mill-UE kif ukoll mill-fondi tal-Gvern tjiebet bi 32.8 fil-mija għal €21.0 miljun; żieda mill-€15.8-il miljun tal-2022. Għaldaqstant, il-qligħ operattiv nett tas-settur żdied bi 8.0 fil-mija għal €58.2 miljun. Barra minn hekk, meta jitqies id-dħul nett negattiv ta’ €1.0 miljun, li hu marbut mal-użu taʼ proprjetà agrikola u li kien imħallas mill-azjendi agrikoli matul l-2023, id-dħul intraprenditorjali nett li ġie rreġistrat minn dan is-settur żdied bi 8.2 fil-mija għal €57.2 miljun (Tabella nru 1, Ċarts nri 1 u 2).
Fejn jirrigwardja dħul fil-kontijiet tagħhom, iż-żieda fil-valur tal-produzzjoni agrikola ġiet kemm minn valur ta’ biegħa ogħla ta‘ ħaxix u frott ta’ 11.9 fil-mija kif ukoll minn prodotti miksuba minn attivitajiet sekondarji tal-istess azjendi ta’ 3.2 fil-mija. Dan it-titjib kien parzjalment imdgħajjef minn valur ta’ biegħa aktar baxx fi prodotti tal-laħam ta’ 6.4 fil-mija kif ukoll ta’ prodotti miksuba mill-annimali ta’ 0.4 fil-mija (Tabella nru 2 u Ċart nru 3).
Fuq in-naħa tal-infiq, il-konsum intermedju mħallas mill-ażjendi agrikoli rreġistra spejjeż ogħla fuq il-magħlef tal-bhejjem ta’ 4.0 fil-mija, fuq it-tkabbir ta’ ħaxix u l-frott ta’ 2.6 fil-mija u spejjeż varji oħra ta’ 3.5 fil-mija. Dawn l-ispejjeż kienu parzjalment imtaffija minn tnaqqis ta’ 1.2 fil-mija fl-ispejjeż tal-enerġija u l-fjuwil (Tabella nru 3 u Ċart nru 4).
fʼeluf taʼ ewro
No Data Found
fʼeluf taʼ ewro
No Data Found
No Data Found
Ċart nru 4. Il-konsum intermedju tal-biedja bil-kategorija u s-sehem relattiv tal-ispiża kollha: 2023