Home » L-Istatistika dwar il-Libreriji: 2023
Meta mqabblin mas-sena ta’ qabel, il-libreriji pubbliċi fid-distrett ta’ Għawdex u Kemmuna, u fid-distrett tan-Nofsinhar tal-Port irreġistraw l-akbar żidiet fis-self tal-kotba, bir-rati ta’ 9.6 fil-mija u 4.5 fil-mija rispettivament. FʼGħawdex, il-biċċa l-kbira tas-self tal-kotba kien irreġistrat fil-librerija pubblika tar-Rabat bi 30,962, segwit mil-librerija pubblika tan-Nadur b’24,253 tislifa (Tabella nru 3).
Minkejja li l-biċċa l-kbira tal-libreriji tad-distrett tal-Punent kellhom żidiet fis-self tal-kotba, il-lokalità taʼ Ħaż-Żebbuġ irreġistrat tnaqqis kbir (-87.1 fil-mija), b’tali mod li din il-lokalità kkontribwiet għat-tnaqqis ġenerali taʼ 9.7 fil-mija fʼdan id-distrett, sena għal sena.
Il-libreriji pubbliċi tad-distrett tax-Xlokk irreġistraw tnaqqis (6.8 fil-mija) fis-self tal-kotba. Meta mqabbel mas-sena ta’ qabel, l-akbar tnaqqis fis-self tal-kotba mil-libreriji pubbliċi kien irreġistrat fʼĦal Għaxaq (-8,473), il-Gudja (-5,615) u l-Imqabba (-3,488). Min-naħa l-oħra, fl-istess distrett kienet irreġistrata żieda ta’ 48.5 fil-mija fis-self mil-librerija pubblika ta’ Marsaxlokk (+5,682) (Tabella nru 3).
Bʼriferenza għad-distrett tat-Tramuntana, il-libreriji pubbliċi tal-Mosta u n-Naxxar irreġistraw l-akbar tislif taʼ kotba li laħaq il-50.5 fil-mija u l-15.0 fil-mija tal-għadd kollu rreġistrat fid-distrett (Tabella nru 3).
Fl-2023, il-libreriji pubbliċi kisbu 39,881 ktieb, li hija żieda ta’ 24.1 fil-mija meta mqabbla mas-sena ta’ qabel. L-akbar żieda fil-ksib tal-kotba kienet irreġistrata bid-donazzjonijiet li żdiedu bʼ4,902 kotba. Warajhom, żdiedu l-kotba diġitali li telgħu bi 3,892. Min-naħa l-oħra, meta mqabblin mas-sena ta’ qabel, il-libreriji pubbliċi rreġistraw tnaqqis ta’ 1,037 ktieb fil-ksib tal-kotba permezz tax-xiri (Tabella nru 1).
Fl-2023, il-membri l-ġodda tal-libreriji pubbliċi laħqu t-8,188, liema ċifra hija żieda ta’ 37.7 fil-mija meta mqabbla mas-sena ta’ qabel. Bl-istess mod, is-sehem ta’ persuni taħt l-età ta’ 18-il sena fost il-membri l-ġodda tal-libreriji tela’ minn 41.1 għal 46.3 fil-mija (Tabella nru 2).
L-għadd ta’ kotba u rivisti li waslu għand il-Librerija Nazzjonali ta’ Malta b’depożitu legali laħaq l-1,072, li huwa żieda ta’ 21.7 fil-mija meta mqabbel mal-2022. Is-sena li għaddiet, in-numru ta’ kotba qabeż in-numru ta’ rivisti (Tabella nru 4).
L-istatistika tal-kummerċ internazzjonali wriet li, is-sena li għaddiet, l-importazzjoni ta’ materjal stampat ta’ kotba żdiedet, filwaqt dik tar-rivisti naqset. Min-naħa l-oħra, l-esportazzjoni ta’ materjal stampat ta’ kotba naqset, filwaqt li dik tar-rivisti żdiedet. Fil-fatt, l-importazzjoni telgħet b’9.2 fil-mija, filwaqt li l-esportazzjoni niżlet bi 13.4 fil-mija (Tabella nru 5). Fl-istess ħin, id-data tal-Kontijiet Nazzjonali wriet li n-nefqa totali tal-konsum finali privat fuq il-kotba; u l-gazzetti u r-rivisti kibret bi 2.0 fil-mija u bi 2.7 fil-mija, rispettivament (Tabella nru 6).