Home » L-Aċċidenti fuq ix-Xogħol: Jannar-Ġunju 2024
Aċċidenti mhux fatali
Rekords amministrattivi juru li, fl-ewwel sitt xhur tal-2024, kienu rrappurtati 1,085 aċċident mhux fatali fuq il-post tax-xogħol.
L-akbar għadd taʼ dawn l-aċċidenti ġraw fil-qasam tal-Manifattura (15.8 fil-mija). Il-qasam tal-Kostruzzjoni kellu 143 jew 13.2 fil-mija tat-talbiet għall-Benefiċċju għal Korriment. Dan kien segwit mill-Attivitajiet tas-saħħa tal-bniedem u ħidma soċjali (117 jew 10.8 fil-mija) (Tabella nru 1). Kważi terz taʼ dawk involuti kienu neqsin mix-xogħol għal tlett ijiem jew inqas, filwaqt li dawk li kienu neqsin mix-xogħol għal 21 jum jew aktar laħqu d-19.3 fil-mija (Tabella nru 2).
Fil-perjodu taʼ riferenza, il-biċċa l-kbira tal-aċċidenti fuq il-postijiet tax-xogħol kienu jolqtu ħaddiema fʼimpjiegi elementari. Warajhom, kien hemm il-ħaddiema tas-sengħa (Tabella nru 3). Fejn jidħlu l-etajiet, 26.3 fil-mija taʼ dawn l-aċċidenti kienu jolqtu persuni li kellhom bejn il-25 u l-34 sena (Tabella nru 4). Fiż-żmien mifli minn din l-istqarrija, 70.0 fil-mija taʼ dawk milqutin mill-aċċidenti mhux fatali fuq il-postijiet tax-xogħol kienu Maltin (Tabella nru 5).
Kważi terz (31.9 fil-mija) tal-korrimenti fuq ix-xogħol kienu jaffettwaw d-Dahar, inkluż is-sinsla tad-dahar u l-għadam tagħha (Tabella nru 6). Il-ġrieħi u l-korrimenti superfiċjali, u t-tfekkik kienu l-aktar tipi komuni taʼ korrimenti, u ammontaw għal 687 u 292 każ, rispettivament (Tabella nru 7).
Fl-ewwel nofs tal-2024, 26.3 fil-mija tal-aċċidenti fuq ix-xogħol ġraw fʼintrapriżi bʼ500 impjegat jew aktar (Tabella nru 9).
Fis-sena 2023, kienu rrappurtati 733 aċċident mhux fatali għal kull 100,000 persuna li taħdem. L-ogħla rata taʼ inċidenza standardizzata taʼ aċċidenti mhux fatali kienet fil-qasam tal-Manifattura; segwita mill-Kostruzzjoni u mill-Attivitajiet tas-saħħa tal-bniedem u ħidma soċjali (Tabella nru 11).
2013-2023
No Data Found
Aċċidenti fatali
Bejn Jannar u Ġunju 2024, l-Awtorità dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) irrappurtat erbat imwiet fuq ix-xogħol. Tabella nru 12 turi li l-imwiet kollha fuq il-post tax-xogħol involvew irġiel, ċittadini mhux tal-UE u ħaddiema f’impjiegi elementari. F’nofs il-każijiet, il-vittmi kellhom bejn il-45 u l-54 sena (Tabella nru 12). Matul l-ewwel nofs tal-2024, nofs l-imwiet kollha fuq il-post tax-xogħol seħħew fil-qasam tal-Kostruzzjoni (Tabella nru 13). Ħamsin fil-mija tal-imwiet kollha kienu kkawżati minn korriment fir-ras, li jinvolvi konkussjonijiet u korrimenti interni (Tabella nru 14). Matul l-2023, ir-rata ta’ inċidenza ta’ aċċidenti fatali fuq il-post tax-xogħol kienet ta’ 1.7 (Tabella nru 15).
2013-2023
No Data Found