Iċ-Ċifri tal-Finanzi tal-Gvern: Jannar-Lulju 2025
- Sa tmiem Lulju 2025, il-Fond Konsolidat tal-Gvern irreġistra defiċit taʼ €518.0-il miljun.
- Meta mqabblin mas-sena taʼ qabel, id-dħul rikorrenti telaʼ bi 13.7-il miljun, filwaqt li n-nefqa sħiħa żdiedet bʼ€592.0 miljun. Iż-żieda fin-nefqa kienet akbar minn dik fid-dħul rikorrenti biex bʼhekk kien hemm bidla negattiva taʼ €578.3 miljun fil-Fond Konsolidat tal-Gvern.
- L-akbar żieda fid-dħul ġiet mis-Sigurtà Soċjali (€98.4 miljun), filwaqt li l-Programmi u Inizjattivi (€218.1-il miljun) irrappurtaw l-akbar żieda fost il-kategoriji tan-nefqa.
- Sa tmiem Lulju 2025, id-Dejn kollu tal-Gvern Ċentrali kien jgħodd €11,162.4 miljun, €1,392.7 miljun aktar mill-istess xahar fl-2024.
Iċ-Ċifri tal-Finanzi tal-Gvern: Jannar-Lulju 2025
Iċ-Ċifri tal-Finanzi tal-Gvern: Jannar-Lulju 2025
Bejn Jannar u Lulju 2025, id-Dħul Rikorrenti kien taʼ €4,103.2 miljuni, €13.7-il miljun aktar minn dak irrappurtat sena qabel. L-akbar żidiet kienu rreġistrati fis-Sigurtà Soċjali (€98.4 miljun), fid-Dazju u s-Sisa (€33.7 miljun) u fil-Liċenzji, taxxi u multi (€24.7 miljun). Min-naħa l-oħra, kien irrappurtat dħul anqas fl-Għotjiet (€101.2 miljun), fit-Taxxa fuq il-Valur Miżjud (€44.3 miljun) u fit-Taxxa tad-Dħul (€21.6 miljun).
Minn Jannar sa Lulju 2025, in-nefqa kollha kienet taʼ €4,621.1 miljun, li hija €592.0 miljun aktar mis-sena ta’ qabel.
Fiż-żmien taʼ riferenza, in-Nefqa Rikorrenti kienet ta’ €4,009.3 miljuni, li hija żieda taʼ €472.3 miljun meta mqabbla mat-€3,537.0 miljun li kienet irrappurtata fis-sena taʼ qabel. Iż-żieda taʼ €218.1-il miljun fil-Programmi u Inizjattivi kellha l-akbar sehem fʼdin iż-żieda. Aktar żidiet kienu rreġistrati fis-Salarji u Pagi (€117.0-il miljun), fil-Kontribuzzjonijiet lill-Entitajiet tal-Gvern (€95.4 miljun) u fl-Ispiża tal-Operat (€41.8 miljun).
L-iżviluppi ewliena fil-kategorija tal-Programmi u Inizjattivi kienu nefqiet akbar fuq il-Benefiċċji tas-Sigurtà Soċjali (€91.9 miljun), l-Iskejjel tal-Knisja (€21.7 miljun) u l-Miżuri taʼ għajnuna għall-enerġija (€16.5-il miljun).
L-imgħax fuq id-dejn pubbliku laħaq il-€168.1 miljun, żieda ta’ €20.4 miljun meta mqabbel ma’ sena qabel.
Sa tmiem Lulju 2025, in-nefqa kapitali tal-Gvern kienet taʼ €443.8 miljun, li hija €99.3 miljun aktar meta mqabbla mal-istess żmien fl-2024. Infiq akbar kien irreġistrat fuq l-Iżvilupp tat-tieni interconnector tal-elettriku (€73.5 miljun), l-Inizjattiva REPowerEU (€18.7-il miljun) u l-Inċentivi għall-Investiment (€14.9-il miljun).
Id-differenza bejn id-dħul u l-infiq sħaħ uriet defiċit ta’ €518.0-il miljun fil-Fond Konsolidat tal-Gvern fi tmiem Lulju 2025, meta mqabbel mas-surplus ta’ €60.3 miljun taʼ sena qabel. Din id-differenza tirrifletti żieda fid-Dħul Rikorrenti sħiħ (€13.7-il miljun), flimkien maʼ żidiet akbar fin-nefqa sħiħa, li hija magħmula min-Nefqa Rikorrenti (€472.3 miljun), mill-Imgħax (€20.4 miljun) u min-Nefqa Kapitali (€99.3 miljun) (Tabella nru 1).
Fl-aħħar taʼ Lulju 2025, id-dejn tal-Gvern Ċentrali kien taʼ €11,162.4 miljun, żieda taʼ €1,392.7 miljun meta mqabbel mal-2024. Iż-żieda rreġistrata fl-Istokks tal-Gvern taʼ Malta (€1,291.4 miljun) kienet il-kontribut ewlieni għaż-żieda fid-dejn. Aktar dejn kien irreġistrat ukoll fil-Kambjali tat-Teżor (€81.7 miljun), fid-Dejn Barrani (€77.7 miljun) u fil-ħruġ tal-muniti tal-ewro fʼisem it-Teżor (€3.8 miljuni). Fid-direzzjoni opposta, kien hemm tnaqqis fl-Istokks taʼ Tifdil 62+ tal-Gvern taʼ Malta (€38.5 miljun). Fl-aħħar, investimenti akbar minn fondi tal-gvern fl-Istokks tal-Gvern ta’ Malta wasslu għal tnaqqis ta’ €23.5 miljun fid-dejn (Tabella nru 6).
Ċart nru 1. Is-surplus/id-defiċit fil-Fond Konsolidat: Jannar-Lulju bis-sena
fʼmiljuni tal-ewro
No Data Found
Ċart nru 2. Id-dħul rikorrenti maqsum bil-kategoriji ewlenin
Jannar-Lulju 2025
